Il-Kumitat Eżekuttiv Tal-Għaqda Ġurnalisti Sports F’Għawdex

Thursday, August 25, 2016, 17:05

Gavin Muscat

Il-Kumitat Eżekutiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports żamm l-ewwel laqgħa tiegħu tar-raba’ u l-aħħar sena tal-amministrazzjoni kurrenti f’Għawdex.  Din kienet it-tieni darba fi tliet snin li l-kumitat eżekutiv tal-għaqda għamel attivita ta’ ġurnata f’Għawdex.  Il-Kumitat għamel żjarat ta’ kortesija lil entitajiet involuti fl-isports f’Għawdex sabiex l-għaqda toffri l-għajnuna li tista’ sabiex l-isport f’Għawdex ikun espost aktar fil-media u sabiex jinstabu modi li jħajru aktar persuni jkunu involuti fil-media sportiva.

Waqt laqgħa mal-Ministru għal Għawdex, l-Ministru Dr Anton Refalo filwaqt li aprezza l-interess tal-għaqda fl-isport f’Għawdex wiegħed l-appoġġ tiegħu u l-għajnuna permezz tal-Gozo Sports Board għal suġġeriment tal-għaqda li jinżamm avveniment anwali f’Għawdex dwar il-media sportiva.  Il-Ministru esprima l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex sabiex l-isport jikber u li dan qed jsir b’diversi modi bħal ma’ huma l-Gozo Sports Board, l-iżvilupp ta’ faċilitajiet kif ukoll permezz tal-program televiżi dwar l-isport f’Għawdex li qed jesponi diversi dixxiplini sportivi li huma pratikati f’Għawdex.  Huwa qal li l-proġett tal-pixxina fil-magħluq jinsab fil-aħħar fażi qabel ikunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet u li hemm aktar proġetti maħsuba bħal dak tal-korsa f’Ta’ Xħajma.  L-Għaqda Ġurnalisti Sports offriet l-għajnuna ukoll sabiex ikompli jsir titjib fl-avveniment tal-Gozo Sports Awards u ser tkompli tgħin sabiex l-aħjar atleta Għawdxi jkun rikonoxut fil-Malta Sports Awards bħal ma’ diġa’ sar f’dawn l-aħħar snin.

Il-Kumitat eżekutivi ltaqgħa ukoll mal-Gozo Torism Association.  Is-CEO Joe Muscat qal li l-isport jista’ jkun niċċa oħra li tgħin sabiex jitkabbar it-turiżmu f’Għawdex l-aktar fi żmien tax-xitwa.  Intqal li s-settur tat-turiżmu sportiv għandu potenzjal kbir f’Għawdex iżda dan jista’ jsir billi jiżdiedu l-faċilitajiet sportivi.  L-President u Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalist Sports laqgħu offerta tal-Assoċjazzjoni sabiex jkun hemm kollaborazzjoni kull meta ġurnalisti barranin mis-settur sportiv ikunu mistiedna f’Malta bħala parti mill-promozzjoni li ssir lil pajjiż.

Waqt laqgħa separata mas-CEO tal-Gozo Sports Board Alvin Grech dan spjega lil kumitat dwar il-ħidma tal-bord u semma li permezz tal-inizjativi tal-Gozo Sports Board qed tikber il-parteċipazzjoni fl-isport f’Għawdex u li qed jintlaħqu l-għanijiet li l-isport f’Għawdex jilħaq lis-setturi kolla tas-soċjeta.  Is-Sur Grech qal li minbarra l-projetti tal-pixxina fil-magħluq u tal-korsa f’ta’ Xħajma hemm il ħsieb li jsiru aktar projetti bħal ma’ huma tennis courts, squash courts u faċilitajiet li jkunu jistgħu jintużaw minn aktar minn dixxiplina waħda.  L-Għaqda Ġurnalisti Sports ħeġġet lil Gozo Sports Board sabiex ikun ta’ għajnuna lil assoċjazzjonijiet sportivi Għawdxin sabiex l-avenimenti tagħhom ikunu imwassla lil mezzi kolla tal-media u b’hekk ikun jistgħu jesponu aktar l-isport rispetivi tagħhom.

Wara dawn il-laqgħat il-Kumitat Eżekuttiv iltaqgħa b’mod formali għall-ewwel laqgħa tal-aħħar sena li ġġib fi tmiemha t-terminu ta’ erba’ snin meta l-kumitat eżistenti kien elett fis-sena 2013.

————————————————————————————————————————————————————-

Gallery

————————————————————————————————————————————————————-

————————————————————————————————————————————————————-

————————————————————————————————————————————————————-





Leave a comment