Il-Kumitat Eżekuttiv iddiskuta l-proposti tal-Kumitat għad-Djalogu Soċjali

Friday, April 12, 2019, 15:48

Is-suġġetti diskussi fix-xhur li għaddew mill-Kumitat għad-Djalogu Soċjali kienu fuq l-aġenda fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Malta Football Association, li saret il-Ħamis.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA, Dr Angelo Chetcuti, spjega b’mod dettaljat il-progress li sar fid-diskussjonijiet dwar regolamenti dwar l-istatus u t-trasferimenti tal-plejers, fost l-oħrajn ċaqliq ta’ plejers li jkun spiċċalhom il-kuntratt u mekkaniżmi oħra fejn jidħol kumpens.

Ir-rakkomandazzjonijiet li saru fis-sessjonijiet tal-Kumitat għad-Djalogu Soċjali mistennija li jkunu diskussi f’aktar dettall fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tal-MFA.

Il-Kumitat għad-Djalogu Soċjali huwa magħmul minn rappreżentanti tal-klabbs u tal-plejers li jiddiskutu materji ta’ interess komuni.

Waqt il-laqgħa tal-Ħamis, il-membri tal-Kumitat Eżekuttiv approvaw il-ftehim milħuq dwar ir-reviżjoni fil-ħlasijiet u l-introduzzjoni ta’ inċentivi oħra għall-uffiċjali tal-logħba.

Dettalji dwar dan ingħataw mill-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo li spjega l-ftehim milħuq filwaqt li rringrazzja lir-rappreżentanti tas-settur tar-referees – Stefan Pace, Alan Mario Sant, Ishmael Barbara u Luke Portelli – għall-kontribuzzjoni u l-koperazzjoni tagħhom f’dawn id-diskussjonijiet kordjali.

Permezz ta’ dan il-ftehim, li jidħol fis-seħħ mill-istaġun li ġej, il-ħlasijiet se jkunu qed jiżdiedu b’mod gradwali tul il-ħames snin li ġejjin, dan apparti inċentivi oħra li kollha għandhom l-għan li jkomplu jtejbu l-kundizzjonijiet tal-uffiċjali tal-logħba.

Dan il-ftehim ġie approvat b’mod unanimu mill-membri tal-Kumitat Eżekuttiv li esprimew il-gratitudni tagħhom lejn il-President Darmanin Demajo kif ukoll lejn it-Teżorier tal-MFA Ivan Mizzi għall-impenn u l-isforzi li wrew fin-negozjati.

TALBA GĦALL-FONDI

Dr Chetcuti ħabbar intant li l-Kumitat għar-Responsabbiltà Soċjali tal-UEFA mistenni li, fil-laqgħa li jmiss fil-bidu ta’ Mejju, jiddiskuti t-talba li saret mill-MFA għall-fondi biex ikunu jistgħu jsiru xogħlijiet ta’ tiswija f’numru ta’ faċilitajiet li ġarrbu ħsarat kawża tal-maltemp.

Din it-talba tressqet mill-MFA wara li numru ta’ faċilitajiet, kemm dawk tal-Assoċjazzjoni kif ukoll diversi klabbs lokali, ġarrbu ħsarat estensivi wara l-maltempati fl-aħħar tmiem il-ġimgħa ta’ Frar.

FOOTBALL SYMPOSIUM

Għaddejjin ġmielhom il-preparamenti għall-ewwel Football Symposium li l-MFA se torganizza fit-23 u 24 ta’ Mejju li ġej.

‘Opportunities in the Digital World’ (Opportunitajiet fid-dinja diġitali) hija t-tema prinċipali ta’ dan is-simpożju li qed ikun koordinat minn Dr Matthew Paris, Viċi President tal-MFA.

Numru ta’ kelliema u esperti diġà kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom għal dan is-simpożju, fosthom is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, Silvio Schembri, kif ukoll il-ġurnalist popolari tal-futbol minn Sky Italia Gianluca Di Marzio, u Noel Mooney li huwa inkarigat mill-iżvilupp kummerċjali tal-assoċjazzjonijiet membri fi ħdan il-UEFA.





Leave a comment