Il-kontingent Malti jitlaq lejn ir-Russja

Saturday, July 6, 2013, 9:42

Il-Kontinġent Malti għall-Universiade telaq minn Malta nhar il-Ħamis kmieni filgħodu – triq twila lejn Kazan, ġewwa r-Russja, fejn qed tiġi mtella’ l-edizzjoni ta’ dawn il-logħob din is-sena. Wara ġurnata twila ta’ vjaġġar, l-atleti waslu fil-Villaġġ tal-Universiade, b’temp mill-isbaħ li s’issa jidher li se jikkollabora ma’ l-organizzaturi.

Il-bandiera Maltija se tittella’ għada fis-13.00 (ħin ta’ Kazan) biex imbgħad aktar tard filgħaxija fit-20.30 ser jingħata l-bidu uffiċjali tal-Universiade 2013.

L-ewwel atleti Maltin ser ikunu fl-azzjoni nhar il-Ħadd, b’Matthew Croker jiġri l-ispecjalita` tiegħu tal-400m fid-09.35 (07.35 ħin ta’ Malta), u Andy Grech fil-100m siegħa warajh. L-unika atleta mara tal-Kontinġent, Rebecca Sarè, se tieħu sehem fil-long jump fis-19.15 (dejjem ħin ta’ Kazan).

Filwaqt li nawguraw lill-atleti Maltin għal ħafna suċċessi, inħeġġu lill-qarrejja biex isegwu l-aħħar avvenimenti rigward il-logħob fuq il-paġna tal-MUSC fuq Facebook. L-isport kollu se jkun mxandar fuq Eurosport TV.





Leave a comment