Il-kickboxer Malti Keith Azzopardi se jissielet għat-titlu Ewropew fi Franza

Tuesday, August 22, 2017, 17:42

F’inqas minn tliet ġimgħat il-kickboxer professjonali Keith Azzopardi se jkun qed jirrappreżenta lil Malta fi Franza, fejn se jissielet biex jikseb it-titlu Ewropew tal-World Kickboxing Network (WKN).
Azzopardi, li għandu 24 sena, se jiġġieled bout ta’ K1 fil-kategorija Lightweight, b’ħames rounds ta’ tliet minuti kull waħda. Fit-taqtigħa għat-titlu huwa se jkun qed jiffaċċja lill-avversarju Franċiż Mathias Branchu.
B’kollox Azzopardi rebaħ 29 ġlieda, bl-aħħar waħda tkun dik li ttellgħet ix-xahar li għadda waqt il-Gladiators Fight Night f’Ħal Far, fejn rebaħ fuq avversarju ta’ livell għoli mir-Rumanija. Azzopardi huwa wkoll l-ewwel kickboxer Malti li ġġieled u rebaħ fl-Awstralja.
Azzopardi jitħarreġ ma’ Master Noel Mercieca fil-klabb Ying Yang – Team Noel.
F’Saint Raphael fid-9 ta’ Settembru se jkun qed jirrappreżenta lil Malta wkoll il-kickboxer Shaun Falzon, li se jiġġieled bout ta’ K1 fil-kategorija tas-77 kilogramma bi tliet rounds ta’ tliet minuti kull waħda kontra l-avversarju Franċiż Karim Benmansour.
Falzon iġġieled ukoll kontra avversarju Franċiż fl-aħħar Gladiators Fight Night, u għadda biex rebaħ it-title belt iddedikat lill-mibki Reuben ‘The Wolf’ Azzopardi.

 





Leave a comment