Il-kickboxer Malti Christopher Rotin jirbaħ f’Rosolini

Tuesday, August 1, 2017, 12:00

31 ta’ Lulju 2017
Kisba oħra għal Malta fil-kickboxing, hekk kif Christopher ‘Wolverine’ Rotin rebaħ ġlieda internazzjonali fl-Italja.
Rotin, li għandu 25 sena, irrappreżenta lil Malta u lil Team Noel waqt is-serata Evolution Fight li ttellgħet f’Rosolini nhar is-Sibt 29 ta’ Lulju. Huwa ġġieled bout ta’ K1, u għall-ewwel darba daħal fil-kategorija ta’ 78 kilogramma, fejn għadda biex rebaħ fuq l-avversarju Taljan b’deċiżjoni unanima tal-ġurija.
Rotin ilu għal dawn l-aħħar tliet snin jitħarreġ ma’ Master Noel Mercieca, u wara s-suċċessi li kellu fl-Iran, fi Franza u f’Malta, ġie ddikjarat ġellied professjonali mill-World Kickboxing Network.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara r-rebħa, Rotin qal li jinsab kuntent li reġa’ ġab rebħa għal Malta, u filwaqt li rringrazzja lil Master Noel u lil dawk kollha li għenuh, qal li qed iħares ‘il quddiem għall-ġlieda li jmiss.
Fl-istess serata rrappreżenta wkoll lil Malta Clayton Desira ta’ 27 sena, li ġġieled bout ta’ Fight Code fil-kategorija ta’ 72 kilogramma u tilef b’knockout. Din kienet l-ewwel ġlieda għal Desira fil-Fight Code, hekk kif sal-lum dejjem kien iġġieled fil-K1.
Desira qal li din il-bout kienet differenti għal kollox minn dik li huwa mdorri biha, iżda xorta waħda jinsab kuntent li rrappreżenta lil Malta u li ħa din l-esperjenza li se sservih għal ġlidiet oħra fil-futur.
Min jixtieq iktar informazzjoni dwar it-taħriġ offrut mill-klabb Team Noel – Ying Yang jista’ jagħmel kuntatt mal-Master Noel Mercieca fuq 79208283, iżur is-sit elettroniku http://www.kickboxing.com.mt/ jew il-paġna ta’ Facebook Team Noel – Kickboxing Malta.





Leave a comment