Il-Kbar rebħu bi tbatija

Monday, August 19, 2013, 13:06

Minn Robert Busuttill

Wara li għaddiet l-ewwel ġurnata tal-Kampjonat Premier wieħed jinnota li t-timijiet li spiċċaw fl-ewwel tliet postijiet tal-klassifika iġifieri Birkirkara, Hibernians u Valletta rreġistraw rebħiet minimi b’differenza ta’ gowl wieħed kontra timijiet li fuq il-karta kienu inqas ikkwotati minnhom.

 

Minkejja li Birkirkara rebħu bl-iskor ta’ 2-1 sabu lir-Rabtin għadma iebsa għalihom fejn spikka l-gowler Velimirovic li wettaq diversi saves li żamm lit-tim tiegħu fil-logħba. Spikka fuq kulħadd in-Niġerjan Frank Temile li kien awtur ta’ doppjetta b’żewġ gowls mill-isbaħ.

 

Vittoriosa Stars kellhom magħmudija partikolari fl-ewwel ħarġa tagħhom fejn għal ftit m’għamluhiex kontra t-tim pjuttost ġdid ta’ Balzan meta gowl fl-aħħar minuti ta’ Andrew Scicluna ċaħħadhom  mit-tliet punti.

L-istess ġara lit-tim ieħor promoss Naxxar Lions li wkoll kienu fil-vantaġġ kontra Floriana u għalkemm ġew miżmuma dro, taw wirja qalbiena li għal daqsxejn ma tathomx it-tliet punti li kieku dak il-ballun ta’ Thiago Lopes ma kienx miżmum minn fuq il-linja minn difensur Furjaniż. Pero’ kollox ma’ kollox kien riżultat ġust għall-okkażjonijiet li ħolqu ż-żewġ timijiet.

 

Iddiżappuntaw bil-kbir Qormi li ġew iddominati mis-Slimiżi li rebħulhom 4-0 b’doppjetta kull wieħed ta’ Ohawuchi u Navarra. Sliema jidhru li se jkomplu fejn ħallew is-sena l-oħra fejn bl-eċċezzjoni ta’ xi ftit irtokki, il-kowċ tagħhom Alfonso Greco żamm il-qafas tat-tim simili għal dak li kellu s-sena l-oħra.

 

Valletta rebħu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-1 u lagħbu bi plejer anqas għal madwar ħamsin minuta. Minkejja l-attakki kontinwi li tellgħu l-plejers Beltin sabu lid-difiża Mostija mmexxija mill-gowler Omar Borg fl-aqwa kundizzjoni possibli sabiex jillimitaw id-dannu. Spikka l-attakkant il-ġdid ta’ Valletta Hamza Barry, awtur ta’ gowl f’din il-partita kif ukoll ta’ sensiela ta’ azzjonijiet lejn il-lasti avversarji.

 

Fid-derby tan-nofsinhar ta’ Malta, li bħal dejjem ikun wieħed akkanit, il-Pawlisti ta’ Hibernians ħallew proprju għall-aħħar sekondi tal-logħba ( 4 minuti tal-ħin miżjud) biex ħadu t-tliet punti kontra l-gladjaturi Tarxiniżi li b’għaxra min-nies għal taqsima sħiħa, ippruvaw jirrispondu b’mod kuraġġuż għall-pressjoni Pawlista. Kienet id-daqqa ta’ ras tas-soltu Tarabai li ddeċidiet il-logħba fost id-diżappunt tal-partitarji Tarxiniżi u l-ferħ ta’ dawk Pawlisti.

 

F’din l-ewwel ġurnata tal-Kampjonat kellna:

·        Erba’ doppjetti: Frank Temile (Bkara), Oscar Guerrero (Vittoriosa), Stanley Ohawuchi, Andrea Navarra (Sliema)

·        Tliet tkeċċijiet: Aaron Agius (Balzan), Marko Potezica (Tarxien), Edmond Agius (Valletta)

·        22 plejer ingħataw il-karta s-safra.

·        Ġew skorjati 17 –il gowl.

·        It-timijiet promossi Naxxar u Vittoriosa ħarġu bla telfa mill-ewwel partiti tagħhom.


Riżultati tal-Ewwel Ġurnata tal-Kampjonat Premier:

Is-Sibt – Stadium Nazzjonali

Birkirkara vs Rabat Ajax 2-1

Vittoriosa Stars vs Balzan 2-2

Il-Ħadd – Stadium Ċentinarju

Floriana vs Naxxar Lions 1-1

Sliema Wanderers vs Qormi 4-0

Il-Ħadd – Stadium Nazzjonali

Valletta vs Mosta 2-1

Tarxien vs Hibernians 0-1


Klassifika:

Sliema, B’Kara, Valletta, Hibernians 3 punti

Vittoriosa, Balzan, Floriana, Naxxar 1 punt

 

Tarxien, Rabat, Qormi, Mosta 0 punti.


Logħob li jmiss:

Is-Sibt 24 ta’ Awwissu 2013

Stadium Nazzjonali:

18.30 – Qormi vs Naxxar Lions

20.30 – Birkirkara vs Sliema Wanderers

Victor Tedesco Stadium

18.30 – Balzan vs Rabat Ajax

20.45 – Floriana vs Tarxien

Il-Ħadd 25 ta’ Awwissu 2013

18.30 – Mosta vs Vittoriosa Stars

20.30 – Valletta vs Hibernians





Leave a comment