- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Il-Kampjonati Nazzjonali 2018 ta’ Badminton Malta

Posted By Sportinmalta On February 7, 2018 @ 11:37 am In Badminton,Featured | No Comments

Waslu fit-tmiem is-47 edizzjoni tal-Kampjonati Nazzjonali ta’ Badminton Malta. Kienet gimgħa mimlija azzjoni fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke. Kellna logħob sbieħ u eċċitanti b’ħafna logħob ta’ livell u rallies twal u pjaċevoli. Fl-aħħar ġurnata tal-kampjonati rajna logħob interessanti fil-ħames finali.

Bdejna il-ġurnata tal-finali bis-Singles tan-Nisa fejn Fiorella Marie Sadowski kompliet turi dominanza f’din il-kategorija u rnexxielha tiddefendi it-titlu tagħha billi għelbet lil Michaela Ellul 21-8, 21-13.

Fil-kategorija Singles tal-irġiel, Matthew Abela kien f’forma mill-aqwa fil-finali u reġa rebaħ il-kategorija meta rebaħ kontra Stefan Salomone 21-14, 21-10. Rajna rallies eċċitanti u twal b’ħafna mumenti ta’ attakki kontinwi f’logħba li damet 27 minuta.

Fil-kategoriji tad-doubles kellna logħob bi skor iktar viċin b’Yanika Polidano u Fiorella Sadowski jirbħu id-Doubles tan-nisa għat-tielet darba f’erbgħa snin meta għelbu lil Jo’Anne Cassar u Jacqueline Degiovanni 21-10, 21-17. B’hekk Fiorella Sadowski rebħet it-tieni finali bit-tama li tirbaħ it-tielet finali u tikseb it-Triple Crown.

Fid-Doubles tal-irġiel il-koppja Samuel Calì u Stefan Salomone reġgħu kisbu it-tirlu meta għelbu lil Stephen Ferrante u Nigel Degaetano fil-finali 21-13, 19-21 u 21-15. Calì u Salomone bdew tajjeb u rebħu l-ewwel logħba 21-13 imma Ferrante/Degaetano irreaġixxew u rebħu it-tieni logħba 21-18 biex ħallew il-finali miftuħa għal kull riżultat fit-tielet logħba. Fil-logħba deċiżiva Samuel Calì u Stefano Salomone ħadmu tajjeb ħafna flimkien u rnexxielhom jassiguraw rebħa f’finali li damet 40 minuta.

Fl-aħħar finali tal-ġurnata erġajna assistejna għal-logħba minlija rallies twal u kumbattuti. Fil-finali tal-Mixed Doubles Stephen Ferrante/Fiorella Sadowski rnexxielhom jegħelbu l-isfida ta’ Matthew Abela/Jo’Anne Cassar 21-17, 21-14. B’hekk Fiorella irnexxielha tgħaqqad it-Triple Crown wara li rnexxielha tirbaħ is-Singles, Doubles u Mixed.

Wara kollox kienu Kampjonati Nazzjonali li ser jibqgħu mfakkra: formatt ġdid, logħob eċċitanti u pjaċevoli biex jiġu segwiti minn dawk preżenti. Dawk li attendew biex isegwu dawn il-finali raw logħob interessanti u pjaċevoli, kif jaf joffri l-isport tal-badminton.

It-tmexxija ta’ Badminton Malta uriet sodisfazzjon għas-suċċess miksub fl-organizzazzjoni ta’ dawn il-kampjonati u dan huwa pass ieħor għal-kompetizzjonijiet u Kampjonati Nazzjonali organizzati b’mod aħjar. Il-logħob kien ta’ livell sodisfaċenti u Badminton Malta tħares ‘il quddiem biex tatratta iktar plejers u spettaturi lejn dan l-isport. Grazzi kbira tmur għall-Iskola Nazzjonali tal-Isport għas-sapport kontinwu biex dawn il-kampjonati ikunu possibli.

Issa li il-Kampjonati Nazzjonali għaddew, ħarset id-dilettanti kollha tal-badminton lokali terġa’ ddur lejn ir-Ranking Tournament li jmiss kif ukoll il-Kampjonati tat-timijiet, filwaqt li nkomplu naħdmu biex niksbu iktar riżultati pożittivi fil-qasam internazzjonali.

Il-finali kollha jistgħu jiġu segwiti fuq il-Facebook Page ta’ Badminton Malta.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/il-kampjonati-nazzjonali-2018-ta-badminton-malta-2/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.