Il-Kampjonat Nazzjonali tal-Ġinnastika Artistika 2016

Monday, April 11, 2016, 20:08

Gavin Muscat

Dan tmiem il-ġimgħa fil-Kumpless tal-Kottonera ser ikun il-fulkru ta’ attivitajiet tal-Ġinnastika organizzati minn SportMalta, b’kollaborazzjoni mal-Federazzjoni Maltija tal-Ġinnastika.  Dettalji dwar dawn l-attivitajiet ingħataw f’konferenza tal-aħbarijiet li saret illum.

Indirizza l-konferenza tal-aħbarijiet s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius li spjega kif dawn l-attivitajiet ta’ dan tmiem il-ġimgħa jixhdu l-ħidma konġunta li qed isir bejn l-Assoċjazzjonijiet u SportMalta sabiex jittellgħu avvenimenti sportivi varji.  Kampjonati bħal dawn huma xhieda ħajja ta’ dan ix-xogħol siewi li qed issir biex ma jinħlewx riżorsi.  Din l-assistenza minn SportMalta qed tattira numru akbar ta’ nies biex jimpenjaw ruħhom f’dixxiplini sportivi varji.

Huwa semma kif l-Gvern qed jinvesti bis-sħiħ fil-ġinnastika li hija waħda mid-dixxiplini bażiċi ta’ kull sport u fakkar fl-apparat tal-ġinnastika li għadu kif tqassam fl-iskejjel kollha tal-Istat mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, liema apparat ilaħħaq is-somma ta’  €60,000, kollha mixtrija b’fondi tal-Unjoni Ewropeja.

Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta ippreżenta sett ta’ tagħmir tal-ġinnastika li kien użat għall-ewwel darba illum matul l-Inter-Schools Gymnastics Festival.  Dan l-avveniment, li sar mill-iSport Promotion Unit ra l-qawmien mill-ġdid ta’ dan il-festival li fih ħadu sehem 15- il skola differenti minn madwar pajjiżna.

It-tagħmir mixtri jilħaq total ta’ €50,000 u minnu ser tibbenefika wkoll l-Akkademja tal-Ġinnastika li kienet imnedija riċentament u li tifforma parti mid-Dipartiment tal-Programmi fi ħdan SportMalta.  L-Akkademja tal-Ġinnastika qegħda toffri taħriġ speċifiku fil-ġinnastika għal grupp ta’ 40 student t’etajiet differenti u qed isir b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Federazzjoni Maltija tal-Ġinnastika.  Din l-akkademja ser tkun qed tieħu sehem f’attivitajiet tul il-ġurnata tal-Ġimgħa.

Roberto de Sanctis, Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Maltija tal-Ġinnastika qal li fil-kompetizzjoni ta’ nhar il-Ħadd li ġej ser jieħdu sehem 5 klabbs differenti b’total ta’ 100 ġinnasta li l-età tagħhom tvarja bejn is-6 u l-20 sena.  De Sanctis irringrazzja wkoll lil  SportMalta għall-kollaborazzjoni tagħhom fl-organizzazzjoni dan l-avveniment.  Huwa stieden lid-dilettanti sportivi kollha sabiex jattendu dan l-avveniment u jaraw b’għajnejhom l-ispettaklu li joffru dawn l-atleti.

Il-Kampjonat Nazzjonali tal-Ġinnastika Artistika 2016 ser isir nhar il-Ħadd li ġej fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, f’Bormla u jibda fit-08:00.





Leave a comment