Il-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2019/20

Wednesday, January 29, 2020, 7:23

Nhar il-Ħadd li ġej l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) ser tkompli bi programm ta’ tiġrijiet tal-muturi fejn ser tiġi organizzata it-tielet attività mill-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2019/2020. L-attività ħa ssir fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali u tibda fl-għaxra ta’ filgħodu.

L-ASMK għal darb’oħra ikkonkludiet in-negozjati ma Gasan Zammit Group fejn dawn sa jergħu jkuni l-isponsors uffiċjali tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Motocross. Il-Kumitat Ezekuttiv jirringrazzja l-maniġment ta’ Gasan Zammit Group li għal darb’oħra qed jikkontribwixxu f’dan l-isport bid-ditta HONDA li jfisser iktar għajnuna u fiduċja fl-ASMK.

Intant nhar il-Ħadd li għadda l-ASMK ogranizzat il-ħames attività mill-Kampjonat Nazzjonali Autocross ASMK Pasta Poiatti 2019/2020 bi ħdax-il kompetitur li rreġistraw għal din l-attività kollha fil-klassi Autocross Modified.

Noel Zammit fuq Fiat Punto iddomina il-Heats tal-ġurnata fejn irnexxielu jirbaħ l-għola punteġġ biex b’hekk assigura postu fil-finali Klassi A.  Flimkien ma’ Zammit ikkwalifikaw ukoll Karl Micallef fuq Opel Corsa, Noel Vella fuq Ford Fiesta, Jean Paul Grech fuq Peugeot 106 u Andrew Pisani fuq Opel Nova.

Mat-tluq tal-Finali kien hemm ħruġ tajjeb mill-finalisti kollha, b’Micallef imur fuq quddiem segwit minn Vella u Zammit. Matul l-ewwel dawra Vella u Aquilina ħadu l-Joker Lap, biex Vella mar fuq quddiem segwit minn Aquilina u Micallef. Il-finali kompliet b’Vella jirtira meta l-Fiesta tiegħu zviluppatlu xi ħsara fil-magna tant li beda jnaqqas mill-veloċità bil-konsegwenza li rtira l-ewwel wieħed u spiċċa l-finali fl-aħħar post. Il-Finali spiċċat b’Micallef jirbaħ u jirreġistra it-tieni rebħa f’dan l-istaġun u kien segwit minn Pisani, Grech, Zammit u Aqulina.

Fil-Finali B rajna linja tat-tluq bejn erba karozzi li kienu, Kyle Agius fuq Opel Nova, Nicovich Chircop fuq Peugeot 106, Justin Buttigieg fuq Opel Nova u Jonathan Camilleri fuq Opel Corsa. Mat-tluq ta’ din il-finali kellna ħruġ tajjeb ħafna mill-finalisti kollha imma t-tiġrija kellha tieqaf wara l-ewwel dawra minħabba li Camilleri spiċċa qabad it-tyres mal-ġenb tal-korsa u inqaleb. Intant, bħala prewkawzzjoni twaqqfet it-tiġrija biex ikun assigurat li ma jkunx hemm periklu għas-sewwieqa l-oħra li qed jikkompetu. Wara r-re-start, Buttigieg rebaħ il-finali segwiet minn Chircop u Agius rispettivament.

Intant l-ASMK ħabbret tibdil żgħir fl-attività numru 4 tal-Autocross li fis-16 ta’ Jannar ġiet posposta minħabba l-maltemp. Din ser titkompla nhar il-Ħadd 9 ta’ Frar 2020 u tibda fis-siegħa ta’ waranofsinhar.

Iktar informazzjoni wieħed jista jsibha fis-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni li hu www.asmk.org.mt jew fil-paġni Facebook bl-isem A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email info@asmk.org.mt jew Mobile 9942 5489.

Ritratti ta’ Mario Micallef





Leave a comment