il-Kampjonat lokali u d-deni tiela’

Tuesday, April 20, 2010, 16:28

Wieħed ma jistax ma jikkummentax ftit fuq dak li qed jiġri lokalment fil-kampjonat lokali tal-futbol f`ġimgha f`weekend fejn il-futbol jieqaf u jħalli attenzzjoni unika  - dik fuq iż-żjara tal-Papa Benedittu Sittax f`pajjiżna.  Kampjonat lokali li qed jiżvolġi f`wieħed interessanti bejn żewġ rivali li fis-snin 90 għal ħafna snin kienu rivali ta` dejjem:  Birkirkara FC u Valletta FC.  Dawn iż-żewġ timijiet bilfors jiġbdu ċerta simpatija u anke jattiraw ħafna nies Ta` Qali.  Sew Birkirkara kif ukoll il-Valletta huma bliet kbar bil-passjoni prinċipali ta` ċittadini tagħhom hija l-loghba tal-ballun.  Mhux hekk biss… huma ħafna l-Beltin u l-Karkariżi li m’għadhomx joqogħdu fil-Belt tagħhom pero xorta jgħożżu l-kuluri isfar / aħmar u abjad rispettivament.  Issa li fadal tliet logħbiet għat-tmiem… id-deni dejjem tiela’.  Birkirkara għandhom erba’ punti vantaġġ u forsi ħadd qabel l-istaġun u forsi anke ħadd wara li ntemmet l-ewwel fażi ma kien qed jistenna li Birkirkara se jkunu fuq Valletta.  Valletta, it-tim li ġie kostruwit bl-aħjar elementi biex jirbaħ.  Birkirkara, it-tim li magħmul b`mixgħela ta` players żgħażagħ ħafna minnhom tal-post flimkien ma’ ftit veterani fit-tim li jagħmlu tim li jilagħbu għal flokk bl-aktar mod konvinċenti. Issa Birkirkara jonqoshom tliet logħbiet.  Iridu jilagħbu ma` Hibernians, Tarxien u fl-aħħar ma` Valletta…  Mentri t-tim tal-Kapitali fadlilhom ma` Qormi, Sliema u mal-istess rivali fl-aħħar logħba.  Birkirkara jridu żewġ rebħiet minn tlieta biex jiġu ddikjarati Champions, mentri Valletta anke jekk jirbħu t-tliet logħbiet li fadal inkluż dik kontra Birkirkara, m’ għandhomx garanzija li jirbħu l-unur.  Fuq il-karta għalhekk huma Birkirkara favoriti, pero l-loghob huwa sabiħ għax trid tilagħbu u trid tirbħu u għalhekk nistennew ġimgħa wara ġimgħa biex naraw kif se jiżvolġi.  Ta` nota u anke l-prosit għal Valletta li matul din il-ġimgha rebħu t-Tazza tal-Anniversarju, bl-avversarju jkunu t-tim li l-aktar jieħdu pjaċir jirbħulu , jiġifieri Floriana.  Ta` nota wkoll ir-ritmu li reġa’ qabad Michael Mifsud.  Fl-aħħar erba’ loghbiet Michael skorja tmien gowls inklużi żewġ hat tricks, xi ħaġa li ftit li xejn narawha Malta, anzi jien qatt ma rajtha.  B`Mifsud li jerġa’ lura għal li kien, Valletta qishom għandhom player barrani ieħor fil-pitch. Kampjonat li bla dubju se jibqa miftakar għad-diżappunt ta` Champions Hibernians.  Jien onestament ma nistax nifhem lil dan it-tim li jalterna prestazzjonijiet sena wara sena.  Bla dubju li din is-sena kien se jkun staġun iebes, kulħadd seta’ jbassru wara li telqu tnejn mill-aħjar elementi Clayton Failla u Terrence Scerri. Pero bla dubju kulħadd kien qed jistenna reżistenza ikbar minn dan it-tim li huwa mimli bi players validi u anke ta` livell. Wasal forsi li ċerti players li ilhom ħafna ma’ Hibernians ibiddlu l-klabb sabiex isibu iktar motivazzjoni?  Kampjonat li sellem lil Dingli u lil Msida SJ li ġew relegati.  Relegazzjoni li kienet waħda mbassra meta dawn iż-żewġ timijiet mill-ewwel urew li l-livell tagħhom ma huwiex ta` Premier.  Kienet relegation pool monotona għall-aħħar.  U jekk min-naħa ta` Msida, il-Premier kien impost fuqhom għax huma kienu destinati għall- Ewwel Diviżjoni, minn Dingli kont nistenna xi ħaġa aħjar, speċjalment mill-players barranin li ma tawx daqskemm huwa l-veru livell tagħhom.  U lura għal Premier se jerga’ jkollna t-tim ta` Marsaxlokk, it-tim li fl-opinjoni tiegħui ġie inutilment relegat fl-Ewwel Diviżjoni.  Bla dubju mertu kbir ta` dan kollu jieħdu l-President Robert Micallef li b`tant sagrificcju żamm lill-players motivate f`diviżjoni li għalihom kienet waħda inferjuri, anzi ra x`għamel biex saħħaħ it-tim.  Marsaxlokk li kienu attenti biżżejjed ukoll biex ma jtellfux opportunitajiet lill-players tagħhom bħal Carlo Mamo, player li ġie misluf lil Birkirkara u li għalhekk żamm il-pass tal-Premier.  Kif qed insemmu lil Marsaxlokk, wieħed ta` min isemmi li mat- tim li rebaħ il-Kampjonat max-Xlukkajri li huwa nostaliġija għal ħafna, hemm tliet players jilagħbu barra l-pajjiż: Bogdanovic, Schembri u Haber, filwaqt li Mamo u Bajada qed ikunu protagonisti ma` Birkirkara mentri Dimech, Pace, Frendo u Sammut qegħdin fl-iskwadra Beltija, kollox jindika s-saħħa li dak it-tim kien jipposjedi.

Mil-lokal għal ta` barra u t-Tlieta ta’ wara l-Għid jien kont preżenti għal Seminar Internazzjonali organizzat mill-Kumitat Olimpiku Taljan fuq it-timijiet Nazzjonali.  Indirizzaw dan is-seminar fost l-oħrajn Marcello Lippi u Arrigo Sacchi.  Tal-ewwel ftit li xejn laqatni d-diskors tiegħu għax kien diskors tipikament a la Taljana fejn tiegħu biss huwa tajjeb u tal-oħrajn ħażin.  Laqatni sewwa pero d-diskors ta` Arrigo Sacchi li   għamel paragun bejn il-futbol Taljan, Ingliz u Spanjol.  Fuq l-Ingilterra huwa qal li l-futbol huwa festa tal-familja, fejn kulħadd jiġi l-istadium bil-familja tiegħu biex jieħu pjacir.  Il-players jagħtu qalbhom fit-taħriġ u anke waqt logħba pero imbagħad kollox jieqaf hemm.  L-Ispanjoli jaraw il-futbol bħala spettaklu, il-futbol għalihom huwa mod kif jesprimu ruħhom.  Huma jużaw iktar teknika pero inqas grinta li forsi ċċaħħadhom minn suċċessi ikbar.  L-Italja skond Sacchi, Il-futbol hija kwistjoni ta` rivendikazzjoni soċjali.  Kulħadd imur l-istadium biex jivvendika ruħu minn dak li jkun esperjenza matul il-ġimgha.  Il-logħba fl-Italja ma tispiċċax fid-disgħin minuta iżda tibqa’ sejra matul il-ġimgha fit-triq, fil-ġurnali u fuq it-televiżjoni.  Eżempju ċar nhar il-Ġimgħa l-loghba Inter kontra Juventus.  Il-media għamlet din il-logħba bħal xi ħaġa kbira daqs ħajja jew mewt.  Iktar kemm beda jgħaddi l-ħin kull tisfira ta` referee kellha reazzjoni kerha tal-players, u min jaf kemm matul dawn il-jiem irridu nisimgħu iktar dwarha. Il-futbol taljan ma jinbiddel qatt.





Leave a comment