- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Il-Kampjonat BOV tax-Xitwa tal-Water Polo se jibda fis-16 ta’ Marzu

Posted By Sportinmalta On February 20, 2018 @ 4:17 pm In Featured,Waterpolo | No Comments

Il-Kampjonat BOV tax-Xitwa tal-Water Polo għall-2018 se jibda fis-16 ta’ Marzu b’6 timijiet jikkompetu fil-BOV Premier Division u 4 timijiet jikkompetu għat-titlu tal-Ewwel Diviżjoni.

Il-poloz telgħu matul konferenza stampa li saret fl-uffiċċji tal-Assoċjazzjoni tal-Isport Akwatiku ta’ Malta u li kienet indirizzata mill-President tal-ASA Joe Caruana Curran u minn Anthony Scicluna, Uffiċjal Kap tal-Bank of Valletta.

“It-Tim Nazzjonali għadu kif wasal lura mis-sehem tiegħu fil-LEN Europa Cup fejn lgħabna kontra l-qawwa tas-Serbja u tal-Kroazja, 2 mill-aqwa timijiet fid-dinja,” qal is-Sur Caruana Curran. “Minkejja li r-riżultati jirriflettu s-supremazija ta’ dawn it-timijiet, il-plejers tagħna kellhom esperjenza ta’ water polo fl-aqwa klassi tiegħu li definittivament se tkun ta’ benefiċċju fil-play-off ta’ kwalifikazzjoni li jmissna għall-Kampjonati Ewropej tal-2018 kontra l-Belarussja f’Minsk nhar is-Sibt li ġej, 24 ta’ Frar.”

“L-introduzzjoni tat-Tazza Enemed din is-sena kien pass ieħor biex il-water polo nagħmluh sport ta’ matul is-sena kollha u b’hekk inżommu l-plejers tagħna fl-aqwa forma matul is-sena u bil-partitarji jkollhom l-opportunità li jsegwu t-tim favorit tagħhom fi tliet kompetizzjonijiet ewlenin”, kompla l-President tal-ASA.

“Bħala membru kburi tal-Komunità Maltija u sostenituri għal żmien twil tal-ASA, aħna nieħdu din l-opportunità biex nawguraw kwalifikazzjoni ta’ suċċess lit-Tim Nazzjonali”, qal is-Sur Anthony Scicluna. “Il-Kampjonat BOV tax-Xitwa tal-Water Polo ta’ din is-sena jidher li se jkun anke aktar kompetittiv bit-tħejjija tat-timijiet permezz tat-Tazza Enemed u qed nistennew bil-ħerqa biex fl-1 ta’ Mejju naraw min se jkun ir-rebbieħ tal-Kampjonat BOV tax-Xitwa tal-Water Polo għal din is-sena”.

L-ASA, f’kollaborazzjoni mal-klabbs kollha, tirriserva d-dritt li ċċaqlaq id-dati u l-ħinijiet tal-logħob kif meqjus meħtieġ. Il-poloz finali bid-dati u l-ħinijiet  tal-logħob kollu se jinħarġu dalwaqt mill-ASA.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/il-kampjonat-bov-tax-xitwa-tal-water-polo-se-jibda-fis-16-ta-marzu/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.