“Il-Juventus se jiddominaw għall-erbgħa snin li ġejjin” – Michele Padovano

Monday, July 1, 2013, 10:23

“It-tliet snin tiegħi mal-Juventus inqishom bħala fortuna, konna skwadra tajba ħafna, irbaħt ħafna u grazzi għall-Juventus ilħaqt ukoll in-Nazzjonal.” Kliem Michele Padovano, ex-attakkant tal-Juventus u tat-tijm nazzjonali Taljan li l-Ħadd filgħodu nieda l-kampanja abbonamenti tal-Juventus Club Cuore Bianconero tal-Imrieħel għall-istaġun li jmiss.

Mistoqsi mill-membri tal-club, Padovano qal li l-iktar gowl li jibqa’ jiftakar hu dak li skurja fil-kwarti tal-finali taċ-Champions League fl-1996 kontra r-Real Madrid, tazza li l-Juventus rebħu fil-finali kontra Ajax. Qal li dak il-gowl kien importanti għax għalaq il-logħba u kien pass ieħor lejn ir-rebħ, gowl li baqa għal qalb il-Juventini kollha. Fakakr li dak iż-żmien il-Juventus kienu għaddejin minn perjodu ħażin filkampjonat.

Padovano tkellem ukoll dwar l-akkwisti li għamlu l-Juventus għall-istaġun li jmiss. Hu faħħar lil Tevez u qal li jaqbel mad-deċiżjoni li ngħata n-numru 10 wara leġġendi bħal Del Piero u Sivori. Qal li akkwisti bħal dawn, flimkien mal-konferma tal-aqwa players fit-tijm bħal Marchisio, juru li l-Juventus iridu jirbħu. Qal li fl-Italja jemmen li għall-4 jew 5 snin li ġejjin mhux se jkun hemm rivali, waqt li jekk jaslu żewġ players oħra ta’ livell, jemmen li l-Juventus kapaċi jirbħu anke’ fl-Ewropa. Padovano qal li jara lil Luis Suarez attakkant idejali għall-Juventus. Mistoqsi dwar Jovetic, qal li hu player żgħir fl-eta’ imma tajjeb u kapaċi jimla l-vojt li ħalla warajh Alessandro Del Piero. Padovano fakkar ukoll il-memorja ta’ Stefano Borganovo li miet iktar kmieni din il-ġimgħa wara marda twila li temmitlu wkoll il-karriera. Minkejja li ma jafux personalment imma biss lagħab xi logħbiet bħala avversarju tiegħu, Padovano qal li hu raġel sfortunat imma li għallem lil ħafna billi ggranfa mal-ħajja u ġġieled ta’ kuljum biex jgħix. Qal li hu japprezza d-dedikazzjoni ta’ familtu u li hu jinsab qrib tagħhom.

F’diskors waqt l-attivita’, il-President tal-club Joseph F. Borg ħabbar li l-club fil-jiem li ġejjin se jkun qed jippreżenta t-tijm tiegħu għall-iSwan League u tenna x-xewqa li l-club iżid l-ammont tal-membri wara li għalaq l-ewwel staġun tiegħu bi 860 membru.





Leave a comment