Il-ħames rawnd tal-Gozo Motocross Association Championship

Tuesday, February 11, 2020, 15:25

Il-Gozo Motocross Association (GMA) kompliet il-programm tagħha nhar il-Ħadd li għadda fit-trekk ta’ Xħajma. Il-programm beda għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar.

Steve Xuereb u Paul Croxon kellhom bidu tajjeb ferm fi Klassi A filwaqt li s-sewwieqa minn klassi B kienu qed jikkompetu wkoll fl-istess ‘heat’. Xuereb akkwista punti massimi filwaqt li Croxon ġie fit-tieni post. Fi Klassi B, Daniel Portelli daħal fl-ewwel post segwit minn Robert Spiteri. Warajhom, fit-tielet insibu lil Jorn Stellini.

Fi Klassi Ċ, Matthew Zammit fuq il-mutur ġdid fjamant tiegħu, Honda CRF 250cc, daħal fl-ewwel post segwit minn Silvan Caruana u Isaac Bartolo rispettivament.

Jurgen Attard rebaħ lewwel post ta’ klassi D. Huwa wkoll ġab punti massimi f’din it-taqsima. Fit-tieni post daħal Mark Camilleri filwaqt li Steve Cassar akkwista t-tielet post.

Sadanittant, fl-aħħar tal-kampjonat, saret it-tiġrija tant mistennija, ‘The Cliff Barton Memorial Race’. Din it-tiġrija ġiet organizzata mill-GMA bl-ghajnuna tal- GMA training coach Scott Donavan. Cliff Barton kien leġġenda tal-Motocross fl-Ingilterra. Huwa kien sewwieq professjonali li għen ħafna sewwieqa biex jimxu l-quddiem fil-motocross u hu nnifsu kien kampjun diversi drabi speċjalment fis-Superclass, sew fl-Ingilterra kif ukoll fl-Ewropa matul is-snin 70 u 80.

The Cliff Barton Memorial Race giet mirbuha minn Steve Xuereb.

Scott Donovan, ippreżenta trofej li kienu sponsorjati minn Grima Service Station & Grima Fuel Supplies. Donavan rregalalhom brieret u ngwanti tad-ditta Wulf u qal li dan il-ġemellaġġ bejn Għawdex u l-Ingilterrra se jkompli fil-futur. Huwa saħaq li hemm opportunitaijiet sbieħ għal dawk is-sewwieqa Għawdxin li jistinkaw u juru serjetà f’dan l-isport. Is-sewwieqa Steve Xuereb u Robert Spirteri huma magħżula biex fil-31 ta Mejju li ġej jikkompetu ma’ sewwieqa Ingliżi u Ewropej fiċ-championship tal-AMCA. Din l-opportunità se tibqa minn sena għall-oħra. Sadanittant, Frank Xuereb, President tal-GMA, irringrazzja lil Julie Barton, mart il-mibki Cliff Barton, li għoġobha tirregala waħda mit-trofej tiegħu ħalli tingħata lir-rebbieħ tat-tiġrija li saret apposta biex titfakar il-memorja tiegħu. Huwa ppreżenta plakka sabiħa magħmula apposta minn Artex Laser cutting, lil Paul Croxon, sewwieq Brittaniku li ġie biex jikkompeti mas-sewwieqa Għawdxin fit-trekk Ta’ Xħajma. Huwa rringrazzjah tal-kooperazzjoni tiegħu u faħħru tal-professjonalita li wera. Xuereb saħaq li huwa diffiċli ħafna biex sewwieq bħal Croxon, li huwa mdorri jsuq muturi b’ċilindrata 450, fit-trekks ħafna ikbar minn hawn li l-art tagħhom hija wkoll ferm differenti, jikkompeti fi trakka żgħira bħal tagħna. Fl-istess nifs qal li s-sewwieqa Għawdxin iridu jaħdmu ħafna ħalli huma jkunu kapaċi juru l-ħila tagħhom f’dan l-isport, fl-Ingilterra, fejn jipparteċipaw il-fuq minn 30 sewwieq, it-trekks huma enormi u t-terran differenti ferm.

Il-Gozo Motocross Association tavża li il-kwart finali tal-Yamaha Championship 2020 ser tkun nhar il Ħadd 8 ta’ Marzu 2020 fit-trekk Ta’ Xħajma. Il-kompetizzjonijiet jibdew fis-siegħa ta’ waranofsinhar.

L-assoccjazzjoni tħeġġeġ biex aktar sewwieqa jingħaqdu fl-għaqda.

Għal aktar tagħrif , wieħed għandu jzur il-paġna ta’ Facebook fuq – https://www.facebook.com/gmagozo/





Leave a comment