Il-ħames rawnd mill-Kampjonat tal-Gozo Motorcross Association

Thursday, February 21, 2019, 8:53

Nhar il Ħadd, 17 ta’ Frar, il-Gozo Motorcross Association organizzat il-ħames rawnd mill-Kampjonat sponsorjat mill-Yamaha, fit-trekk ta’ Xħajma.

Taħt xemx tiżreġ, is-sewwieqa li kienu 20 b’kollox kellhom taqtiegħa mhux faċli minħabba l-elementi tas-sħana u l-arja mimlija trab. Minkejja dan kollu, kull wieħed minnhom ħadem bla heda ħalli f’din ir-rawnd, b’ħila u determinazzjoni sportiva jiksbu kemm jista jkun punti , sew biex iwassalhom għar-rebħ tal-ġurnata kif ukoll iressaqhom b’tama kbira lejn tmiem feliċi tal-kampjonat 2019.

Kienu erbgħa  l-klassijiet li ddominaw il-ġurnata, Klassi A, B Ċ  D.

Fi klassi A rajna lil David Dimech, Etienne Bigeni, u Steve Xuereb jissiltu u jistinkaw biex iżommu posthom fuq quddiem nett tal-klassifika hekk kif kienu mhedda mill-abbilita’ u ħila tas- sewwieqa Maltin Carmelo Borg u Arthur Micallef – Sfortunatament Dimech, li kien qiegħed fil-quċċata tal-klassifika, kellu jieqaf filwaqt li Xuereb, champion kurrenti, rebaħ l-ewwel post. Warajh daħal Borg segwiti minn Bigeni li kien Champion Għawdxi darbtejn fis-snin imgħoddija.

Fi Klassi B rajna taqtiegħa sħiħa bejn Glenn Vella u Robert Spiteri. Vella daħal l-ewwel post segwit minn Spiteri. Hawn insibu lil Vella bl-akbar ammont ta punti fil-klassifika.

Daniel Portelli u Jorn Stellini ddominaw il-klassi Ċ. F’din il-klassi Portelli,  mar tajjeb ħafna u akkwista l-għola ammont ta punti filwaqt li Stellini daħal fit-tieni pożizzjoni segwit minn Spiteri li ukoll issielet b’abilita kbira.

Fi klassi D rajna mhux inqas minn disa’ sewwieqa. Hawnhekk iż-żagħżugħ Isaac Bartolo daħal fl-ewwel post. Fit-tieni post rajna lil Eric Cardona filwaqt li warajh daħal David Mercieca.

Fi tmiem l-avveniment, ir-rebbieħa ġew mogħtija trofew kull wieħed sponsorjat minn Grima Service Station tar-Rabat Għawdex.

Il-Gozo Motocross Association tkompli l-kampjonat tagħha Nhar il-Ħadd 10 ta’ Marzu 2019.

L-assoċċjazzjoni tħeġġeġ aktar sewwieqa u dillettanti biex jattendu u jippartecipaw f’dan l-isport.

Għal aktar tagħrif wieħed għandu jżur il-paġna ta’ Facebook https://www.facebook.com/gmagozo/





Leave a comment