Il-ħames attività tal-Autocross

Thursday, February 7, 2019, 10:09

L-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) minn Ħadd sa Ħadd tkun impenjata biex tlaħħaq mal-program ta’ attivitajiet ippjanati tul dan l-istaġun mifrux fuq 4 kampjonati nazzjonali flimkien ma’ numru ta’ attivitajiet speċjali.

Nhar il-Ħadd li ġej l-ASMK se tkompli l-Kampjonat Nazzjonali Autocross, bil-ħames attività mill-istaġun ASMK Pasta Poiatti bil-programm li jibda fil-ħdax ta’ filgħodu fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali.

Fil-klassifika ġenerali tal-Klassi Modified, Terence Azzopardi fuq Opel Corsa jinsab fil-quċċata b’94 punt segwit minn Melo Zammit fuq Opel Corsa b’81 punt Noel Zammit fuq Fiat Punto bi 78 punt.

Fil-Klassi Standard Melvin Buttigieg fuq Citroen AX jinsab fl-ewwel post b’19-il punt segwit minn Nicovich Chircop fuq Peugeot 106 u Johann Vella fuq Opel Nova b’17 il-punt kull wieħed u Jerom Peplow fuq Kia Avella b’13-il punt.

Intant il-Ħadd li għadda ġiet organizzata ir-raba’ tiġrija mill-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2018/2019 fejn b’kollox irreġistraw 17 il-kompetitur maqsuma fi tliet klassijiet.

F’trakka perfetta għal dan it-tip ta’ sport, fi Klassi A Mark Mamo fuq Yamaha irreġistra l-ewwel rebħa tal-istaġun. Mamo kien segwit minn Kyle Camilleri fuq mutur KTM u Bernard Sammut fuq mutur Beta.

Fi Klassi B Garry Debono fuq mutur KTM rebaħ din il-klassi segwit minn Daniel Caruana fuq mutur Honda, Krist Falzon fuq mutur Husqvarna u Ryan Faenza fuq mutur Yamaha.

Fi Klassi tal-Veterani Carmelo Borg fuq mutur Honda ħareġ rebbieħ għal darb’oħra segwit minn Paul Deguara fuq mutur KTM u Jethro Sant fuq mutur Yamaha.

Għal aktar informazzjoni idħlu fis-sit elettroniku www.asmk.org.mt jew fil-paġni Facebook bl-isem A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email info@asmk.org.mt jew mobile 9942 5489.

Rittrati ta’ Mario Micallef





Leave a comment