Il-Ħadd tal-Finali!!

Friday, April 19, 2013, 18:38

KAMPJONATI BASKETBALL

minn Colin Schembri

Nhar il-Ħadd li ġej hija ġurnata mportanti fil-kalendarju tal-Malta Basketball Association. Fil-fatt fl-istess jum se jintlagħbu żewġ finali tal-kampjonati ewlenin tal-basketball lokali. Il-finali tal-kampjonat St. James Hospital tan-nisa se tkun bejn Luxol u Pavi Depiro. Din se tkun is-seba’ darba li dawn iż-żewġ timijiet se jiltaqgħu dan l-istaġun. Dawn huma r-riżultati ta’ bejniethom:

 

Shield: Luxol 54 Depiro 51

Kampjonat l-ewwel round: Luxol 71 Depiro 69

Knockout (finali): Luxol 71 Depiro 64

Kampjonat it-tieni round: Luxol 72 Depiro 64

Tazza Louis Borg Leg 1: Luxol 73 Depiro 57

Tazza Louis Borg Leg 2: Luxol 45 Depiro 66 (Depiro rebħu bl-aggregate 118-123)

Luxol jittamaw li jirkupraw lil Mollie Williams fil-waqt li Depiro għaddejin minn fażi tajba. Iż-żewġ timijiet se jinsew ir-riżultati t’hawn fuq u issa kollox jibda mill-ġdid – serje tal-aħjar minn ħames partiti.

Wara din il-finali se tintlagħab ir-raba’ finali tal-kampjonat Bank of Valletta tal-ewwel diviżjoni tal-irġiel. Issa hemm team li b’rebħa jista’ jerbaħ il-kampjonat u dan għandu jagħmel il-partita ħafna aktar missielta. It-team li għandu vantaġġ ta’ 2-1 huma Floriana Francesco Fenech. L-avversarji, c-champions renjanti A to Z Electronics Athleta, m’għandhom għażla…jew jerbħu jew jitilfu t-titlu li rebħu għal dawn l-aħħar sentejn. Hemm stennija kbira għal din il-partita u bir-raġun ghax din hija IL-PARTITA. Għalkemm se tkun is-seba’ logħba bejn dawn iż-żewġ timijiet, dan ma jfisser xejn u dawn huma ż-żewġ partiti kruċjali. Ma ninsewx li l-partiti bejn Floriana u Athleta dan l-istaġun dejjem kienu xi ħaġa spettakolari u li paxxew lil pubbliku preżenti.

L-appell tagħna għalhekk huwa biex il-pubbliku sportiv jiġi fil-padiljun tal-basketball u f’atmosfera ferrieħa jgawdi dawn iż-żewġ finali. Kollox jibda mit-14.45 ‘l quddiem.





Leave a comment