Il-Gvern qed jixxaħħaħ mal-għaqdiet sportivi Maltin

Thursday, October 24, 2013, 8:46

Stqarrija mill-PN:

Il-Gvern ta’ Muscat naqqas il-baġit approvat għal din is-sena għall-għaqdiet sportivi b’€250,000. €50,000 minn dawn il-fondi ser jitnaqssu mill-vot allokat għat-turiżmu sportiv, deċiżjoni li hija għalkollox kontra l-wegħdiet li ġe elett bihom Joseph Muscat fl-aħħar elezzjoni fejn wiegħed li ser jippromwovi u jsostni lit-turiżmu sportiv u l-isport lokali.


Dan qalu l-Kelliem għaż-Żgħażagħ u Sport Robert Cutajar f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-uffiċċji tal-Kunsill Malti għall-Isport f’Bormla. 


Il-Kelliem għaż-Żgħażagħ u Sport sostna li sal-lum, madwar 100 għaqdiet sportivi għadhom ma ngħatawx l-assistenza finanzjarja mwiegħda lilhom. Din is-sitwazzjoni qed tħalli impatt negattiv fuq dawn l-għaqdiet, li jiddependu mill-appoġġ tal-Gvern biex iwettqu l-ħidma tagħhom.


Robert Cutajar esprima t-tħassib tiegħu għad-deċiżjoni tal-Gvern li jagħmel sensiela ta’ transfers fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport. Fil-jiem li għaddew, ħareġ ukoll li l-istess persuna li jaħdem mal- Management Efficiency Unit li tqabbdet mill-Gvern biex tagħmel rapport dwar l-operat tal-Kunsill Malti għall-Isport ġie maħtur Aġent Kap tas-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għall-Isport. Dan iqajjem mistoqsijiet ċari ta’ kunflitt ta’ interess. 


In-nuqqas ta’ trasparenza u meritokrazija fil-Kunsill Malti għall-Isport tispikka wkoll fil-mod u manjiera kif ġie deċiż li l-kariga ta’ Chairman tingħata lid-Deputat Laburista Luciano Busuttil. Din hi t-tielet darba f’seba’ xhur li se jinħatar Chairman ġdid tal-Kunsill Malti għall-Isport. Dan l-għaġir, flimkien mad-deċiżjoni irresponsabbli li jingħalaq il-parkeġġ tal-pixxina nazzjonali f’Tal-Qroqq b’detriment għal min jagħmel użu mill-pixxina u reżidenti tal-madwar, iqajjem dubji dwar kemm dan il-Gvern jieħu bis-serjetà l-qasam tal-isport f’pajjiżna.


Il-Kelliem għaż-Żgħażagħ u Sport Robert Cutajar ikkonkluda billi talab li jirrenja s-sens komun f’qasam daqstant importanti f’pajjiżna, tinqata’ l-pika interna li teżisti fi ħdan l-amminstrazzjoni ċentrali tal-Gvern fil-qasam sportiv, u appella lill-Gvern biex flok jehda fi stqarrijiet u media coverages bla bżonn, jibda jaħdem bis-serjetà għall-ġid tal-isportivi u l-għaqdiet sportivi Maltin, li b’tant impenn u sagrifiċċju qed jgħollu l-isem tal-isport f’pajjiżna.





Leave a comment