Il-Gvern jgħid li wettaq 40% tal-proposti fil-qasam sportiv

Monday, February 3, 2014, 13:08

Imwettqa 40% tal-proposti tal-Manifest Elettorali fil-qasam sportiv. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Stefan Buontempo waqt li ħabbar tibdil fl-iskema tat-Turiżmu sportiv biex tirrifletti aktar il-bżonnijiet tal-għaqdiet lokali u anke biex jiġi mmassimizzat il-potenzjal li Malta għandha f’dan il-qasam. B’dan it-tibdil ser ikunu qed jitwettqu żewġ wegħdi elettorali oħra fil-qasam sportiv.

Dr Buontempo qal li l-għan wara dan it-tisħiħ hu biex għaqdiet lokali jkollhom inċentiv akbar biex jattiraw mhux biss training camps u avveniment sportivi iżda li jattiraw persuni li jattendu l-avvenimenti sportivi li jsiru f’dawn il-gżejjer.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo spjega li taħt l-Iskema Turiżmu Sportiv, ir-rata għal kull lejl se titla’ minn massimu ta’ €5 għal massimu ta’ €9 għal kull bed night, liema rata hija applikabbli għal perjodu bejn ix-xhur ta’ Ottubru sa Marzu. Fix-xhur l-oħra, jkun hemm rati oħra applikabbli.  Se jkun hemm ukoll rati differenti applikabbli skont in-numru ta’ ljieli li l-atleti jqattgħu f’pajjiżna. Ir-rata aktar għolja għall-avvenimenti li jsiru f’Għawdex, ser tibqa fis-seħħ. Permezz ta’ dan it-tibdil, assoċjazzjonijiet żgħar ser ikunu inċentivati biex jibdew jitħajru jġibu avvenimenti f’Malta. Innovazzjoni oħra taħt din l-iskema ser tkun dik li l-għaqda sportiva ser tibda tingħata  kontribuzzjoni ta’ €6 għal kull atleta biex l-għaqdiet sportivi jorganizzaw attivitajiet soċjali għall-parteċipanti ta’ dawn l-attivitajiet.

Dr Buontempo, kompla jgħid li taħt l-iskema l-ġdida “Skema Attira Avveniment Sportiv”, filwaqt li  ser tibqa tingħata għajnuna sabiex tiġi ppreparata l-bid, permezz ta’ dan it-tibdil, ser tibda tingħata għotja ta’ €300 għal kull jum li fih jittellgħu logħbiet kompetittivi.  Kull organizzazzjoni tista’ tapplika għal waħda miż-żewġ skemi jew iż-żewġ skemi fl-istess ħin.

Dr. Buontempo semma li fuq dawn iż-żewġ skemi ser ikun hemm allokat is-somma ta’ €350,000 għal din is-sena li qegħdin fiha, liema somma hija l-ogħla waħda li qatt kienet allokata għal sena  waħda fuq it-turiżmu sportiv.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal ukoll, li meta permezz ta’ skemi oħra, l-għaqdiet itejbu s-siti elettroniċi tagħhom, se jkun hemm link bejn is-siti ta’ dawn l-għaqdiet u s-sit uffiċjali tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu. Tkellem ukoll iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport, Dr Luciano Busuttil fejn qal li dawn l-iskemi se jgħinu biex pajjiżna jattira aktar turiżmu sportiv.

Aktar informazzjoni fuq din l-iskema tista’ tinkiseb mill-uffiċċju tal-Kunsill Malti għall-Isport fuq 22036000.

 





Leave a comment