- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Il-ġurnalist veteran tal-iSport Malti Mario Meli jagħlaq 80 sena

Posted By Sportinmalta On May 18, 2020 @ 3:48 pm In Featured,GhGS - 2014 | No Comments

L-Għaqda Ġurnalisti Sports tingħaqad mal-komunità sportiva lokali biex tawgura lil Mario Meli, ġurnalist tal-isport li qiegħed jiċċelebra 80 sena.

Mario Meli, eks xandar tal-isport mal-PBS u ġurnalist freelance tal-isport, qed jiċċelebra wkoll fis-sena 2020, is-60 sena ta’ karriera distinta fi ħdan il-midja sportiva. Kien fi Frar tal-1962 meta huwa ngħaqad mar-Rediffusion, issa Public Public Broadcasting Services Malta.

Fil-karriera brillanti tiegħu huwa l-ewwel beda jassisti u mbagħad beda jmexxi firxa ta’ programmi Sportivi fuq it-TV Nazzjonali. Għal diversi snin huwa kien l-għażla awtomatika għall-kummentarji tal-partiti tat-tim nazzjonali ta’ Malta għal TVM. Żewġ kummentarji storiċi li għamel Meli kienu ż-żewġ logħbiet barra minn darna, ir-rebħa kontra l-Estonja (0-1) u d-draw (1-1) kontra l-Ungerija f’Budapest.

Matul il-karriera ġurnalistika tiegħu Mario Meli kellu l-opportunita’ jintervista numru kbir ta’ personalitajiet sportivi internazzjonali bħal Joe Havelange, l-eks President tal-FIFA, Antonio Samaranch, l-eks President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, Joseph Blatter l-eks Segretarju tal-FIFA, Lennart Johansson eks President tal-UEFA , Sebastian Coe, Stanley Matthews, Bobby Moore, Pele, u Franz Beckenbauer fost oħrajn.

Meli rrapporta wkoll għall-PBS diversi avvenimenti internazzjonali bħalma huma t-Tazza tad-Dinja tal-FIFA, il-Logħob tal-Commonwealth, il-Logħob tal-Mediterran, il-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar u diversi kampjonati oħra tad-Dinja.

Minbarra s-servizzi regolari tiegħu għall-PBS, Meli kien ukoll kontributur regolari fil-ġurnal tal-aħbarijiet “Sport”, ippubblikata fis-snin 60 u 70 u wkoll kontributur għall-gazzetta Maltija “In-Nazzjon”. Id-diversi pubblikazzjonijiet sportivi tiegħu kienu jixhdu in-namra tiegħu għall-isport lokali.

Fiż-żgħożija tiegħu Mario irnexxilu jikseb rekords nazzjonali fit-800m u fil-1,500m fl-atletika u wara huwa mexa għall-kowċing, futbol, ​​l-għawm u l-atletika. Huwa rtira mill-ġurnaliżmu sportiv fl-2016.

Meli kien attiv ħafna fl-amministrazzjoni tal-Isport fejn kien ukoll wieħed mill-fundaturi tal-Għaqda Kittieba Sports li nibtet fl-1970 (Għaqda Ġurnalisti Sports) u serva fil-kumitat f’diversi karigi.

Huwa kien fil-kumitat ta’ diversi assoċjazzjonijiet sportivi lokali fosthom l-Malta Billiards u Snooker Association, il-Malta Table Tennis Association, il-MAAA u serva wkoll għal ħames snin bħala membru eżekuttiv fi ħdan il-Kumitat Olimpiku Malti taħt it-tmexxija ta’ Dr Gino Camilleri.

Meli serva wkoll bħala President għal seba’ snin fil-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu fejn kien wkoll introduċa t-’Tour ta’ Malta’.

Meli kien ukoll il-President tal-Gymstars Gymnastic Club, President tal-Malta Employees Sport Association, President tal-’Special Olympics’. Huwa għadu attiv fl-amministrazzjoni tal-futbol lokali fejn qiegħed fil-Kunsill tal-MFA fejn żamm is-siġġu tiegħu għal dawn l-aħħar 20 sena.

L-aħħar inizjattiva tanġibbli tiegħu kienet il-Masters Football Malta li twaqqfet fl-2013. Meli huwa l-President attwali ta’ din l-Assoċjazzjoni.

Ad multos annos Mario.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/il-gurnalist-veteran-tal-isport-malti-mario-meli-jaghlaq-80-sena/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.