Il-Gozo Motocross Association organizzat ir-raba round mill-Kampjonat 2020

Tuesday, January 14, 2020, 12:12

Eżatt fis-siegha ta’ waranofsinhar qabdet nieżla x-xita li minħabba f’hekk il-kompetizzjonijiet bdew fis-1.30pm. Il-kundizzjonijiet tat-trekk inbidlu u s-sewwieqa kellhom biċċa xogħol iebsa biex jinnavigaw il-muturi tagħhom, speċjalment f’ċerti żoni fejn it-trekk kienet tiżloq u fejn kien hemm ħafna tajn. Aktar ma beda għaddej il-ħin, aktar it-trekk bdiet ġejja lura għan-normal.

L-atmosfera kienet waħda drammatika hekk kif sewwieqa kkompetew flimkien f’atmosfera ta’ emozzjoni u ħafna antiċipazzjoni filwaqt li numru sabiħ ta’ spettaturi segwew l-avveniment b’attenzjoni kbira.

Fi Klassi A, Steve Xuereb daħol fl-ewwel post, filwaqt li fi Klassi B Jorn Stellini mar tajjeb hafna. Huwa kien segwit minn Daniel Portelli u warajhom, fit-tielet post, daħal Robert Spiteri.

Fi Klassi Ċ, Isaac Bartolo rebaħ l-ewwel post segwit minn Silvan Caruana. Imbagħad fi Klassi D, iż-żagħżugħ Mark Camilleri beda l-kompetizzjoni tiegħu mit-tieni heat filwaqt li l-veteran Ingliż Scott Donavan iddeċieda li jipparteċipa ma’ din il-klassi u rnexxielu jidħol fit-tielet post. Steve Cassar daħal it-tieni fi Klassi D, filwaqt li r-rebbieħ kien Jurgen Attard b’punti massimi.

Is-sewwieqa kollha tal-klassijiet għamlu ħilitom kollha biex akkwistaw kemm setgħu punti, sew għall-kompetizzjoni tal-ġurnata kif ukoll għall-kampjonat.

Il-President tal-GMA Frank Xuereb qal li esperjenzi ta’ sewqan fit-tajn jgħinu biex is-sewwieq jittestja l-abbilitajiet u l-ħiliet tiegħu peress li huwa tant diffiċli biex tikkompeti f’dawn il-kundizzjonijiet.

Wenzu Mercieca, Direttur ta’ Mezzan Garage, ippremja trofej lir-rebbieħa tal-ġurnata.

Il-GMA tħabbar li l-avveniment li jmiss huwa FUNRACE li ser tinŻamm fis-26 ta Jannar fl-istess trekk. Dawn il-kompetizzjonijiet ikunu fuq bażi ta’ ħbiberija u kull min għandu muturi cilindrata 80 u 125 huma mħeġġa li jipparteċipaw.

Sadanittant il-ħames rawnd ser jinżamm nhar il-Ħadd 9 ta’ Frar 2020.

L-għaqda dejjem tħeġġeġ aktar sewwieqa ġodda biex jingħaqdu magħha ħalli jgawdu dan l-isport li sar ferm popolari fil-gżira Għawdxija.

Għal aktar tagħrif wieħed jista jżur il-paġna ta’ FB - https://www.facebook.com/gmagozo/





Leave a comment