Il-Gozo Motocross Association Fun Race

Thursday, January 10, 2019, 8:04

Il- Gozo Motorcross Association (GMA) organizzat Fun Race, nhar il-Ħadd 6 ta’ Jannar, fit-trakka Ta’ Xħajma. It-tlielaq bdew fis-1pm.

Din il-Fun Race kienet waħda differenti minn tas-soltu. Is-sewwieqa tal-klassijiet A, B, Ċ u D ġew mibdula u għalhekk it-tlielaq qanqlu interess hekk kif xi sewwieqa sabu ruħhom jikkompetu ma’ oħrajn li mhux soltu jkunu fil-klassi tagħhom.

Fi klassi A, is-sewwieqa li huma fuq nett fil-klassifika tal-kampjonat ikkompetew b’muturi ta’ ċilindrata 80 u 125. Hawn kellna liż-żewġ ċampjins Għawdxin, Steve Xuereb u Etienne Bigeni li kellhom taqtigħa sħiħa flimkien b’sens kbir ta’ ħbiberija. F’din il-klassi, Bigeni daħal fl-ewwel post segwit minn Glenn Vella u ż-żagħżugħ Isaac Bartolo.

Glenn Vella ikkompeta wkoll fi Klassi B u daħal fl-ewwel post filwaqt li kien segwit minn Daniel Portelli li beda jipparteċipa bil-mutur tiegħu f’dan l-istaġun. F’din il-klassi Keith Bugeja spiċċa fit-tielet post.

Klassi Ċ ukoll kienet waħda nteressanti hekk kif rajna lis-sewwieq Jurgen Attard jiddebutta f’din il-klassi u għamel suċċess hekk kif spiċċa fit-tielet post. Din il-kategorija intrebħet minn Steve Cassar u warajh daħal Anthony Fenech li saq mutur KTM 85cc

Din l-attività kienet issapportjata minn Ravenol Lubricant Oils ta’ Galea General Services. Il-president tal-GMA, Frank Xuereb qassam prodotti Ravenol li jintuzaw fuq il-muturi u anke trofej lir-rebbieħa kollha.

Il-GMA tavża li r-raba’ rawnd mill-Yamaha Gozo Motocross Championship 2019 ser jiġi organizzat nhar il Ħadd 20 ta’ Jannar 2019. Il-GMA dejjem tħeġġeġ aktar sewwieqa jingħaqdu magħha u jkunu parteċipi fl-attivitajiet li torganizza.

Għal aktar tagħrif tista żżur il paġna ta’ Facebook Gozo Motocross Association.





Leave a comment