Il-Gozo Motocross Association b’ġemellaġġ sportiv ma’ Sqallija

Wednesday, May 16, 2018, 10:33

Fi tmiem din il-ġimgħa, il-Gozo Motocross Association, organizzat ġemellaġġ ta’ atleti sportivi tal-motocross bejn Għawdex u Sqallija. F’dan il-ġemellaġġ ipparteċipaw mhux inqas minn tnax-il sewwieq Għawdxi li flimkien mal-familji u l-ħbieb tagħhom ivvjaġġaw lejn Katanja ħalli jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet li ġew organizzati apposta għalihom fit-trekk Motocross ta’ Frankavilla. Ir-rotta twila 1500 metru kienet waħda difficli, b’diversi kurvaturi u ħafna rampi tlugħ u nżul anke għoli ta’ 30 metru.

Il-ġemellaġġ kien mifrux fuq jumejn. Nhar is-Sibt, l-atleti kellhom ġurnata taħriġ f’kundizzjonijiet li sewwieqa Għawdxin mhumiex imdorrijin fihom, fosthom il-kobor tat-trekk u anke rampi kbar. Imbagħad il-Ħadd bdew il-kompetizzjonijiet vera u proprji.

Fi Klassi A pparteċipaw 2 sewwieqa Għawdxin, ic-Champion renjanti Steve Xuereb u s-sewwieq Joseph Bigeni flimkien ma’ għaxar sewwieqa Sqallin. Fi klassi A ħa sehem Michael Faso, sewwieq Sqalli ta’ 16 il sena li bħalissa jinsab fil-ħames post mill-klassifika ta’ Sqallija. Faso saq mutur Honda CRF ċilindrata 450 tal-2018, sponsorjat minn AlbyMx Racing Team. Huwa ġie l-ewwel f’din il-klassi segwit minn Salvo Currenti ukoll fuq Honda CRF 450 ċilindrata. Fit-tielet post daħal Steve Xuereb ukoll fuq Honda CRF din id-darba ċilindrata ta 250.

Fi Klassi B kien hemm b’kollox 28 sewwieq, 8 minnhom Għawdxin. Dawn kienu Keith Bugeja, Jorn Stellini, Robert Spiteri, Mark Camilleri, Glenn Vella, Nataniel Camilleri, Matthew Zammit u Matthew Buttigieg. Bugeja rebaħ l-ewwel ‘heat’ tal-ġurnata filwaqt li Nataniel Camilleri rebaħ it-tieni waħda. Minkejja dan, l-Isqalli Antonino Wild ikklassifika l-ewwel f’dan il-grupp, segwit minn Robert Spiteri. Fit-tielet post daħal Jorn Stellini.

Fl-aħħarnett, sewwieqa bl-akbar ammont ta’ punti miż-żewġ klassijiet ingħaqdu għall-kompetizzjoni Supercampioni. F’din il-klassi Salvo Currenti daħal l-ewwel segwit minn Steve Xuereb u Joseph Bigeni rispettivament.

Wara l-kompetizzjonijiet, ingħataw premji lir-rebbieħa kollha kif ukoll tifkira ta’ parteċipazzjoni lit-tfajla sewwieqa Emma Xuereb li ukoll tat il-kontribut matul l-avventura bil-mutur tagħha.

Id-dirigenti ta’ AlbymxRacing raw potenzjal qawwi fis-sewqan ta’ Xuereb u għalhekk offrewlu l-opportunita’ li jipprova l-mutur li jsuq iż-żagħżugħ Michael Faso, il-Honda CRF ċilindrata 450 tal-2018, modifikat min Albymx stess. Għalkemm mutur b’ċilindrata kbira, Xuereb irnexxielu wkoll jagħmel ħinijiet tajbin ħafna b’dan l-mutur.

Din kienet esperjenza sabiħa ferm għas-sewwieqa Għawdxin li minkejja d-differenzi bejn iż-żewġ postijiet, huma akkwistaw riżultati tajbin ħafna kemm għalihom infushom u kif ukoll f’isem l-assożżjazzjoni li ħadmet bla qies biex din il-ħolma li kellhom issa saret realtà.

L-assoċċjazzjoni tixtieq tirringrazzja lil president Frank Xuereb u lis-segretarja eżekuttiva VickyAnn Xuereb li ħadmu bis-sħiħ biex iseħħ din l-ewwel parti ta’ dan il-ġemellaġġ, kif ukoll lil Mark Camilleri, Peppe Cernuto, lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, lil Gozo Sports Bord, O’Neal Malta, Salavatore Catalano, direttur ta’ Frankavilla MX park flimkien mat-tim tiegħu, u kif ukoll lill Ivan Imperrizzeri.

Il-GMA tawgura li t-tieni parti ta’ dan il-ġemellaġġ iseħħ f’Ottubru li ġej meta sewwieqa Sqallin u d-diriġenti taghħom ser jiġu ġewwa Għawdex biex jikkompetu fit-trakka Motocross Ta’ Xħajma

Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook fuq – https://www.facebook.com/gmagozzo





Leave a comment