- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Il-Gozo Football Association tagħlaq l-istaġun 2015/2016 bil-premjazzjoni tal-unuri

Posted By Sportinmalta On June 24, 2016 @ 10:26 am In Featured,Football | No Comments

Gavin Muscat

Il-Gozo Football Association, li qed tfakkar it-tmenin sena mit-twaqqif tal-assoċjazzjoni, għalqet l-attivitajiet marbuta mal-istaġun tal-futbol Għawdxi elfejn u ħmistax, elfejn u sittax bil-premjazzjoni tal-unuri tat-timijiet u dawk individwali, f’serata li nżammet f’lukanda ewlenija f’Għawdex.

Is-serata tal-premjazzjoni saret f’prejodu mportanti fil-futbol Għawdxi minħabba d-diskusjoni u kontroversja dwar l-eliġibilita tal-plejers fil-kompetizzjonijiet f’Għawdex u minħabba l-interess li xi klubs urew li jibdew jiparteċipaw fil-kampjonati nazzjonali tal-MFA.

Fid-diskors tal-okkażżjoni il-president tal-Gozo Football Association Dr Samuel Azzopardi wera d-dispjaċir tiegħu dwar il-mod ta’ kif żvolġew l-affarijiet s‘issa.  Dr Azzopardi qal li r-regolamenti dwar l-użu tal-plejers fil-kompetizzjonijiet Għawdxin huma meħtieġa sabiex l-istatus tal-plejers ikun skont kif huwa mistenni fir-riforma li qed twettaq il-Malta Football Association.  Il-Gozo Football Association għażlet li timxi fuq il-kriterji tal-UEFA sabiex tistabilixxi plejers li huma ‘home grown’ u b’hekk ikunu ċċarati kriterji li kienu japplikaw dwar parentela ta’ plejers.  Il-President tal-Gozo Football Association stqarr li huwa m’huwiex kontra li timijiet Għawdxin jiparteċipaw fil-kompetizzjonijiet nazzjonali, iżda qal li dan il-pass għandu jsir wara diskussjonijiet madwar mejda.  Dr Azzopardi qal li l-klubs tal-futbol Għawdxin għandhom responsabilita fl-identita tal-lokalita tagħhom u f’każ li xi klubs joħorġu mill-assoċjazzjoni Għawdxija dan ikun iffisser li l-plejers tagħhom, inklużi t-tfal tan-nursuries, ma jkunux membri tal-assoċjazzjoni.  Il-President tal-Gozo Football Asscoaition laqa’ b’sodisfazzjon ir-rakomandazzjoniet tal-Eżekutiv tal-Malta Football Associaiton lil Kunsill tal-istess assoċjazzjoni sabiex f’dan l-istaġun ma jintlaqgħux l-applikazzjonijiet ta’ Kerċem Ajax u Xewkija Tigers sabiex jidħlu fil-kompetizzjonijiet nazzjonali, u li matul ż-żmien li ġej għandhom jibdew laqgħat bejn iż-żewġ assoċjazzjonijiet dwar il-possibilita li xi klubs Għawdxin jistgħu jibdew jiparteċipaw fil-kompetizzjoniet tal-Malta Football Association.

Matul is-serata, li kienet indirizzata ukoll mis-Segretarju Parlamentari għall-Innovazzjoni, Żagħżagħ u Sport Chris Agius, tqassmu l-unuri mirbuħa mil-klubs fil-kompetizzjonijeit kolla kif ukol diversi unuri individwali.  L-attakant ta’ Xewkija Tigers Daniel Bogdanovic rebaħ żewġ unuri, dal tal-aqwa skorer tal-kampjonat Gozo Football League tal-ewwel diviżjoni bi ħmistax-il gowl u bħala l-aqwa plejer tal-kampjonat Gozo Football League tal-ewwel diviżjoni.

Mark Buttigieg ta’ SK Victoria Wanderers ġie magħżul bħala il-kowċ tas-sena u il-viċi President tal-Gozo Football Association ingħata l-unur tal-uffiċjal tas-sena.

L-ex plejer internazzjonali Shaun Bajada, li dan l-istaġun kien plejer-kowċ taċ-champions Għajnsielem, rebaħ l-unur tal-aħjar plejer tas-sena tal-futbol Għawdxi.

L-unuri individwali ewlenin l-oħra kienu:

  • Gabriel Farrugia ta’ Xagħra United FC:  Plejer tas-sena tal-Gozo Youth Football Association ta’ taħt il- ħmistax-il sena,
  • Christian Mercieca ta’ Oratory Youths FC: Plejer tas-sena tal-Gozo Youth Football Association ta’ taħt it- tmintax-il sena,
  • Loretu Scicluna ta’ Ghajnsielem FC: Kowċ tas-sena tal-Gozo Youth Football Association,
  • Marlon Mamo ta’ Xagħra United FC: Plejer tas-sena tal-Gozo Football League tat-tieni diviżjoni.

Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/il-gozo-football-association-taghlaq-l-istagun-20152016-bil-premjazzjoni-tal-unuri/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.