Il-Gladjaturi Qriema jċedu fl-aħħar
Tuesday, September 17, 2013, 9:38Minn Robert Busuttil
Valletta…………1
Qormi…………..0
Hekk kif it-tokki tal-arloġġ immarkaw id-90 minuta, kollox kien jidher li Qormi kienu se jiġbru punt prezzjuż kontra avversarji ferm iktar ikkwotati minnhom. Iżda maġija tat-Tuneżin Abdelkarim Nafti ħassret il-festi għall-Qriema u tat it-tliet punti importanti għal Beltin.
Il-kowċ Taljan ta’ Qormi, Tommaso Volpi laqqam din il-logħba bħala David kontra Gulija. Għalkemm Gulija beda jattakka sab lil David ferm attent li ma jaqlax aktar milli jmissu.
Iżda lil hinn mill-metafori, il-Qriema kienu dixxiplinati ħafna fil-grawnd bil-Beltin isibuha ferm diffiċli biex jippenetraw. Huma riedu jirrispondu għar-rebħiet ta’ Sliema, Hibernians u Birkirkara sabiex ikomplu l-pass ma’ ta’ fuq.
Iktar ma beda għaddej il-ħin u dak l-imbierek gowl ma wasalx, bdiet tikber il-frustrazzjoni u n-nervożiżmu f’moħħ il-plejers Beltin.
Qormi għandhom għax jirringrazzjaw lil gowler Matthew Farrugia li llum kien f’vena mill-aqwa u laqa’ mill-aħjar li seta’ x-xuttijiet destinati lejn il-lasti tagħhom.
Valletta kellhom neqsin lil Denni, Shaun Bajada u Kurt Magro filwaqt li ddebutta Jean Pierre Mifsud Triganza għalihom.
Għal Qormi reġa rritorna Jorge Pereira da Silva li daħal fit-tieni taqsima.
Fl-10 minuta pass ta’ Hamza Barry lejn Nafti ra lil dan tal-aħħar jixħet xutt bid-dawra u pront kienet ir-risposta tal-gowler Farrugia li mgħejjun mill-mimduda xeħet f’korner.
Fil-21 minuta pass lura xi ftit perikoluż ta’ Alfred Effiong ra lil gowler Farrugia għal Qormi jaqbad b’idu biex mill-frikik ordnat mir-referi Adrian Azzopardi, ix-xutt finali ta’ Ian Zammit ġie mwaqqaf mill-barriera.
F’kontrattakk tajjeb, l-eks plejer Belti Roderick Bajada daħal tajjeb fil-kaxxa li xxuttja iżda f’żewġ ċirkostanzi ra lid-difiża Beltija xxejjen il-periklu.
Fit-tieni taqsima kien imiss lil Qormi li jolqtu l-lasta wara xutt b’saħħtu u preċiż ta’ Jorginho li ħasad lil gowler Belti Marino iżda l-ballun ħabat mal-wieqfa.
Fis-86 minuta daqqa ta’ ras ta’ Effiong fuq kross ta’ Jorginho rat l-aħjar mill-gowler Marino, li mgħejjun mil-lasta ċaħħad lin-Niġerjan mill-gowl.
U kif inhi l-liġi tal-futbol, gowl mitluf ifisser gowl maqlugħ. U hekk ġralhom Qormi meta proprju mat-tmiem id-90 minuta azzjoni personali ta’ ABDEKARIM NAFTI ħalliet fil-post diversi difensuri ta’ Qormi u b’xutt bid-dawra ħasad lil Farrugia u xeħet fix-xibka u tefa’ lill-partitarji Beltin f’dillirju ta’ ferħ.
Din kienet l-aħħar azzjoni bil-Beltin iħossuhom ixxurtjati li rnexxielhom jakkwistaw it-tliet punti. Min-naħa ta’ Qormi għalkemm ħarġu b’idejhom vojta minn din il-logħba xorta jimtlew b’kuraġġ wara wirja bħal din għal kumplament tal-Kampjonat.

Proset lil-Qormi fc ! avolja tlifna kontra wihed mil-ikbar club li-insibu f’MALTA izda hrigna brasna mghollija u sgur ma konna ha nisirqu xejn li hadna punt.
[Reply]