Il-Ġirbin ferħanin se jtiru

Sunday, September 22, 2013, 11:28

minn Robert Busuttil


Vittoriosa Stars………..1

Qormi FC…………………0


Wara ħames logħbiet anke il-Ġirbin ħadu s-sodisfazzjon tal-ewwel rebħa fil-Kampjonat wara li għelbu lill-Qriema b’gowl uniku skorjat fl-ewwel taqsima.

Fil-verita’ wara l-wirja qalbiena li Qormi kellhom kontra Valletta, kulħadd ippreveda li t-tim se jirkupra tajjeb u seta’ jikseb it-tliet punti minn din il-partita.

Iżda Vittoriosa Stars ma kinux tal-istess parir tant illi mal-ewwel ħarġu jfittxu l-gowl meta fid-9 minuta laqtu l-lasta b’xutt tajjeb ta’ Aguiar u mir-ribawnd Triston Caruana għal ftit m’għamilx awtogowl.

Għaddew ħdax –il minuta oħra u kellna frikik mogħti minn Mark Barbara u daqqa ta’ ras ta’ Marcelo Pereira ġiet salvata mill-gowler Farrugia bejn il-lasti ta’ Qormi.

B’Qormi jibqgħu anonimi fil-logħba,  ma kinitx sorpriża li Vittoriosa fetħu l-iskor meta fit-22 minuta, dwett bejn il-barranin Guerrero u TERUEL spiċċa b’dan tal-aħħar jixħet xutt djagonali li ma tax ċans lil Farrugia jsalva.

Fit-tieni taqsima kellna frikik ta’ Jorge Pereira da Silva għal Qormi li għadda ftit barra mil-lasti difiżi minn Vella. Fis-67 minuta daqqa ta’ ras ta’ Innocenti ġiet milqugħa għal darb’oħra mill-gowler tal-Birgu.

Lejn l-aħħar tal-partita, Vittoriosa Stars għal ftit ma kinux se jirdoppjaw iżda x-xutt tajjeb ta’ Martin sab lill-gowler tal-Qriema attent u salva għal korner.

L-aħħar firma tal-logħba kienet għal Qormi li skorjaw iżda l-gowl ġie mħassar minħabba pożizzjoni ta’ offside.

It-tisfira finali tar-referi Sandro Spiteri rat lill-Ġirbin jiċċelebraw l-ewwel rebħa fil-Kampjonat kif ukoll il-qabża fil-klassifika għat-tmien post. Min-naħa tagħhom Qormi ddiżapuntaw bil-kbir meta ġarrbu r-raba’ telfa fil-Kampjonat wara ħames logħbiet.

 




1 Comment

  1. Paul Fenech says:

    Prosit Birgu, keep it up ha naraw rebha ohra kontra Rabat nhar is-sibt li gej.
    Prosit lit team kollhu min l-attakanti, ghal midfield, id-difiza u l-goalkeeper.

    [Reply]

Leave a comment