- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport

Posted By Sportinmalta On July 7, 2015 @ 3:26 pm In Featured,Other | No Comments

Gavin Muscat

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport

 Mis-7 sat-13 ta’ Settembru, Malta, permezz tal-Kunsill Malti għall-Isport u l-partners tiegħu, se tkun qed tieħu sehem fil-European Week of Sport.  Il-Kunsill Malti għall-Isport li huwa l-kordinatur Nazzjonali tal-European Week of Sport f’Malta, diġa ħejja programm vast t’attivitajiet sportivi li jinkludu Beach Sports, Sports Fest għall-familji, estensjoni tal-programm Summer on the Move, tournament internazzjonali tal-Badminton, wheelchair basketball, show taż-żfin, sessjonijiet ta’ Kayaking  b’xejn kif ukoll attività innovattiva ta’indoor rowing biex tikkumplimenta r-Regatta tradizzjonali.  Minbarra dawn l-attivitajiet, il-KMS qed jaħdem fuq bosta attivitajiet oħrajn ma’ għadd ta’assoċjazzjonijiet, klabbs sportivi u operaturi fis-settur tal-isport biex jitħajru kemm jista’ jkun nies li jibdew jipprattikaw xi forma ta’attività fiżika.

 F’Malta huwa mistenni li jipparteċipaw ‘il fuq minn għaxart elef ruħ fil-bosta attivitajiet organizzati.  L-attivitajiet se jkunu qed jolqtu kemm is-settur edukattiv, il-postijiet tax-xogħol, attivitajiet sportivi fuq barra kif ukoll attivitajiet f’gyms u klabbs sportivi.

 Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius aċċenna għall-messaġġ tal-kampanja dwar kemm l-attività fiżika hija importanti għal kulħadd.  Is-Segretarju Parlamentari saħaq li Malta ma tinsabx f’pożizzjoni feliċi meta wieħed jistudja l-istatistika maħruġa mill-Eurobarometer li tpoġġi lil Malta fl-aħħar positijiet tal-klassifika tal-attività fiżika.  Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius filwaqt li awgura li din l-inizzjattiva tkun biss l-ewwel pass għall-ħajja aktar attiva, stieden aktar persuni jkunu parti minn din l-inizzjattiva sabiex ikollna mhux biss ċittadini b’saħħithom imma jkollna soċjetà aktar sana.

 Iċ-chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport Luciano Busuttil, tkellem dwar kif il-KMS ilu jħoss il-ħtieġa li tingħata l-importanza mistħoqqa lill-attività fiżika u għamel dan billi offra bosta attivitajiet sportivi kemm bla ħlas kif ukoll bi prezz baxx ħafna.  Iċ-chairman Busuttil semma wkoll il-fatt li l-Kunsill Malti għall-Isport, permezz tal-Isport Promotion Unit qed jagħti sostenn lill-iskejjel biex iżidu l-livell ta’attività fiżika fost l-istudenti u l-ġenituri tagħhom.

Robert Attard, il-Kordinatur Nazzjonali tal-proġett, elenka l-bosta attivitajiet li se jkunu qed jiġu organizzati f’din il-ġimgħa u stieden ukoll lill-operaturi fis-settur, kif ukoll entitajiet lil hinn mis-settur sportiv biex jingħaqdu f’din l-attività sabiex tkun tista tiġi miġġielda aħjar il-problema tal-inattività u obeżità.  Huwa ħabbar ukoll il-ftuħ ta’ inizjattiva oħra: #MyWeek #BeActive li fiha, l-pubbliku qed ikun mistieden jipparteċipa f’din il-kompetizzjoni bi premju billi għal-ġimgħa partikolari, itella’ fuq is-siti soċjali Facebook, Twitter jew Instagram ritratti li juruh qed jipparteċipa f’tal-inqas 3 attivitajiet fiżiċi bħall-mixi, l-għawm, il-ġiri u oħrajn. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit : http://ec.europa.eu/sport/week/ jew jikkuntattja lill-KMS fuq kms@sportmalta.org.mt

 

Parl Sec Chris Agius


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/il-gimgha-ewropea-tal-isport/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.