Il fuq minn 200,000 ewro mqassma lill-assoċjazzjonijiet sportivi

Monday, February 20, 2017, 19:01

Gavin Muscat

Kienu 52 l-assoċjazzjoni/federazzjoni sportiva li bbenefikaw minn skemi ta’ assistenza ta’ SportMalta.  L-għoti tal-assistenza ngħataw fl-ewwel ċerimonja għas-sena 2017, li saret fil-forti Sant’ Anġlu, fil-Birgu.

“Aħna namministraw il-flus imma huma intom li taħdmu fil-volontarjat fl-isport li ssarfu l-għajnuna finanzjarja fi frot”, qal is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius waqt l-ewwel serata ta’ għotjiet finanzjarji organizzati minn SportMalta.  Huwa saħaq dwar l-importanza li meta nagmlu użu minn flus il-poplu, naraw li s-servizz li ningħataw ikun l-aqwa wieħed possibbli.  “La nħallsu flus tajba nippretendu li jkollna l-aqwa xogħol”, sostna s-Segretarju Parlamentari.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar spjega li SportMalta laħqet wieħed mill-objettivi li huwa li l-governanza tal-entità tkun waħda tajba u kontabbli.  Fil-fatt din is-sena l-entità rnexxielha wkoll tagħlaq l-impenji kollha li kkommettiet ruħha għalihom fl-2016.  Barra minn hekk, issa qed taspira li timxi fuq il-linji gwida tal-Gvern Ċentrali, u tnaqqas il-burokrazija.

Iċ-chairman ta’ SportMalta, Luciano Busuttil, spjega kif dak li twiegħed SportMalta, speċjalment fejn jidħlu l-finanzi, qiegħda twettqu.  Fil-passat, kompla jgħid iċ-chairman, kien hemm bosta eżempji fejn ġew imwegħda affarijiet li ma twettqux, u SportMalta ma tridx li dan jerġa’ jiġri.

Waqt din iċ-ċeremonja, SportMalta ppreżentat ’il fuq minn 200,000 ewro f’assistenza finanzjarja. Fost il-proġetti li saru permezz ta’ dawn il-fondi hemm il-padiljun tal-basketball, it-tinda l-ġdida tal-judo, kif ukoll għajnuna lill-atleti fuq mod individwali biex ikunu jistgħu javvanzaw fil-karriera tagħhom u jilħqu livelli professjonali u internazzjonali.

Din l-assistenza ma tinkludix l-għotja finanzjarja ta’ 2.5 miljun ewro lill-Kumitat Olimpiku Malti, li saret permezz ta’ ftehim separat li ġie ffirmat il-ġimgħa l-oħra.

Kull sena, SportMalta torganizza erba’ ċerimonji sabiex l-assoċjazzjonijiet/ federazzjoni/atleti ma jkollhomx jistennew żmien twil għall-assistenza finanzjarja.  Din hija parti mir-riforma ta’ SportMalta għall-benefiċċju tal-assoċjazzjonijiet/ federazzjonijiet u jagħtihom aktar ċertezza biex jippjanaw finazjarjament.





Leave a comment