Il-ftuħ tal-istaġun il-ġdid tal-futsal lokali

Thursday, November 17, 2016, 20:49

Gavin Muscat

Wara li fil-ġranet li għaddew tħabbar li kienet instabet soluzzjoni biex jitkompla il-kampjonat nazzjonali tal-futsal, anke bl-intervent tas-Segretarju Parlamentari Chris Agius, ilbieraħ ittellgħu l-poloz tal-kampjonat nazzjonali tal-futsal, hekk kif l-assoċjazzjoni żanżnet ukoll l-uffiċju l-ġdid tagħha f’Santa Venera.

Għaldaqstant, l-FMA minn dan l-istaġun se tibda topera l-uffiċju tagħha u tlaqqa’ l-kumitati u bordijiet tagħha f’dan l-uffiċju.  Is-Segretarju Ġenerali Claudio Azzopardi radd ħajr lil kumpanija Konica Minolta li offriet dan l-ispazju lill-assoċjazzjoni.

Sadanittant, il-kampjonat tal-futsal se jkun imqassam f’żewġ rawnds, bi ħmistax-il klabb, fosthom ħames timijiet ġodda.  Wara li kull tim jikkompeti fl-ewwel rawnd, se jkunu l-ewwel ħames timijiet li jgħaddu għal-fażi tal-Elite Round li twassal għal-playoffs, filwaqt li l-kumplament jilagħbu fil-First Division Round.  Iċ-ċampjins Valletta se jiftħu l-impenji tagħhom fl-ewwel logħba tal-kampjonat kontra Marsascala.  Għal-ewwel darba se jikkompetu wkoll it-tim ta’ Swieqi FC Under-21.

L-istaġun jiftaħ uffiċjalment nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Novembru, bil-finali tas-Super Cup, bejn iċ-ċampjins Valletta u r-rebbieħa tan-Knock Out Luxol.  Din il-finali tintlagħab fil-padiljun ta’ Kordin fit-8pm

Intant tħabbru wkoll żewġ logħbiet internazzjonali bħala tħejjija għat-tim nazzjonali tal-futsal, li se jkun involut fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Futsal Euro f’Jannar li ġej.  Il-partiti kontra San Marino, se jintlagħbu fil-5 u 6 ta’ Diċembru ġewwa l-padiljun ta’ Kordin.





Leave a comment