Il-football u l-problema tal-logħob immanipulat

Sunday, February 10, 2013, 13:54
Għaqdiet kriminali stazzjonati fl-Asja huma l-għerq tal-logħob immanipulat. Dan qalu Chris Eaton, eks Kap tas-Sigurta` fi ħdan il-FIFA. Dawn il-gruppi ta’ kriminali javviċinaw players jew uffiċjali biex jimmanipulaw partiti u jilagħbu l-imħatri fuq l-istess partiti biex b’hekk jagħmlu profitt kbir minħaba li jkunu jafu r-riżultat aħħari tal-logħbiet. Matul il-ġimgħa il-Europol żvelat li madwar 680 partita, 380 minnhom fl-Ewropa ġew immanipulati f’dawn l-aħħar snin.
F’dan il-logħob kien hemm anke partiti validi mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej u tat-Tazza tad-Dinja u żewġ logħbiet taċ-Champions League, li waħda minnhom intlagħbet fl-Ingilterra f’dawn l-aħħar tlieta jew erbgħa snin. Hemm suspett li din il-logħba kienet bejn Debrecen u Liverpool imma Debrecen qalu li sentejn ilu diġa’ kien hemm aħbar li hemm suspett dwar din il-logħba u l-klabb kien ħa passi immedjati bil-goalkeeper ta’ Debrecen sospiż sentejn minħaba li ma rrappurtax lill-awtoritajiet li dan kien avviċinat minn grupp ta’ kriminali.  Skont il-Europol grupp fil-belt ta’ Singapore għamel minn tal-anqas profitt ta’ tmien miljun ewro fuq dan il-logħob iammanipulat.
Profitti kbar
Hemm gruppi fl-Asja li għamlu ħafna aktar profitt. Eaton spjega kif illum saret ħafna eħfef għan-nies biex jilagħbu l-flus b’mod illegali fuq partiti ta’ futbol u qal li fejn qabel kollox kien jimxi bi flus fl-idejn issa kollox qed isir bil-computer mill-kumdita tad-dar. Barra minn hekk in-numru ta’ kumpaniji tal-imħatri sploda u jekk persuna mill-Asja jilgħab imħatri fuq l-istess partiti, imma ma’ kumpaniji stazzjonati fl-Asja u fl-Ewropa, jagħmel ħafna aktar profitt minn dawk Asjatiċi.
Biex wieħed jifhem aktar is-sitwazzjoni Eaton qal li l-akbar tliet kumpaniji tal-imħatri jinnegozjaw żewġ biljun dollaru fil-ġimgħa u b’din is-somma wieħed jista’ jibni erba’ sptarijiet jew inkella jħallas is-salarju ta’ elf kuntistabbli għal sena sħiħa.  Minkejja li l-akbar każijiet ta’ logħob immanipulat feġġew fl-Italja, fil-Korea ta’ Isfel u fiċ-?ina, wieħed ikun żbaljat jekk jaħseb li l-korruzzjoni hi preżenti f’dawn il-pajjiżi biss. Eaton jgħid li dak li żvelat il-Europol matul il-ġimgħa hu biss il-bidu.
“Mhux qed isir sforz biżżejjed biex jitwaqqfu l-imħatri illegali. Fix-Xlokk tal-Asja l-Gvern mhux qed jagħti każ jissorvelja l-ekonomija tal-imħatri. Irridu niftakru li hemm kumpaniji tal-imħatri li qed jirreġistraw dħul aktar minn kumpaniji mondjali bħalma hi l-Coca Cola. Jekk ma jkunx hemm awtoritajiet li jagħtu każ dan kollu bilfors se jkun hemm l-abbużi,” qal Eaton.
Wieħed mill-aktar pajjiżi li hu milqut minn dan il-fenomenu ta’ imħatri illegali hu dak tal-Italja. Ħafna esperti kienu tal-fehma li fl-Italja hemm kontroll assolut tal-kumpaniji tal-imħatri imma minn dak li żvelat il-Europol deher biċ-ċar li dawn l-esperti kienu żbaljati. 30% tal-kumpaniji tal-imħatri fl-Italja huma reġistrati filwaqt li l-kumplament, jiġifieri s-70% fil-mija l-oħra huma kumpaniji li m’humiex reġistrati, u li x’aktarx huma kollha Asjatiċi.  Gruppi ta’ kriminali fl-Asja mhux bilfors ikunu joqgħodu l-Italja imma jkunu jafu nies mill-pajjiż u permezz ta’ terzi persuni jkollhom kuntatti ma’ referees, players u uffiċjali ta’ klabbs li jkunu ġejjin minn kull diviżjoni.
“Li kieku l-Gvernijiet fl-Asja għamlu aktar pressjoni fuq il-kumpaniji tal-imħatri, illum mhux qegħdin nitkellmu dwar każ li fih hemm suspettati madwar 680 partita. Tagħmel x’tagħmel il-korruzzjoni fl-isport se tibqa’ teżisti, bħalma jeżisti d-doping imma hemm differenza bejn iddawwar wiċċek u tillimita d-danni,” kompla jgħid l-eks membru tal-FIFA.
Waqt li ċerti imħatri wieħed ma jistax jagħmilhom ma’ kumpanija fl-Ewropa, fl-Asja huma aċċettati. Laszlo Angeli, li hu prosekutur Ungeriż spjega każ tipiku ta’ korruzzjoni. L-għaqda li tkun stazzjonata fl-Asja tqabbad persuna mill-Ewropa biex tikkuntattja nies involuti f’xi kampjonat domestiku u la darba l-partita tkun miftehma, il-membri tal-grupp li jkun stazzjonat fl-Asja jilgħabha l-imħatra fuq dik il-partita.




Leave a comment