- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Il-Finali tal-YAMAHA GOZO MOTOCROSS CHAMPIONSHIP 2018

Posted By Sportinmalta On May 8, 2018 @ 10:16 am In Featured,Motorsport | No Comments

Il-Kampjonat Għawdxi ġie fi tmiemu nhar is-Sibt 5 ta’ Mejju 2018, quddiem attendza numeruża fil-finali. Dan il-kampjonat kien sponsorjat minn Gasan Zammit bil-prodott Yamaha.

Steve Xuereb kien inkurunat champion fi Klassi A u overall champion tal-Yamaha Gozo Motocross Championship 2018. Xuereb beda l-kampjonat ta’ dan l-istaġun fuq nota tajba ħafna u baqa’ għaddej b’ritmu fenominali matul l-istaġun kollu. Għalkemm sfidat diversi drabi huwa xorta waħda ħareġ b’saħħtu kollha l-abilita’ tiegħu li waslitu biex laħaq il-quċċata tal-klassifika. ‘Taħrig kontinwu, konċentrazzjoni u determinazzjoni huma tliet fatturi importanti biex wieħed jakkwista dan l-unur’, qal Xuereb. ‘Inħossni tajjeb ħafna u ferħan li l-ħolma tiegħi saret realtà.’

Nataniel Camilleri kien inkurunat champion fi klassi B. Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, Camilleri aktar beda juri progress fis-sewqan tiegħu. Huwa wera kunfidenza u determinazzjoni hekk kif irnexxielu jżomm postu fuq quddiem bil-mutur tiegħu  Yamaha YZ 250.

Fil-klassi Ċ ukoll rajna żviluppi nteressanti. Minn pożizzjoni żvantaġġjuża, ż-żagħżugħ Matthew Spiteri irnexxielu jgħeleb l-ostakli kollha u joħroġ rebbieħ anke meta fil-kompetizzjonijiet tal-finali stess xejn ma kien ċert. Matthew Spiteri huwa champion tal-Klassi Ċ u jidher li għandu futur promettenti ferm fl-isport tal-motocross.

Wara t-tlielaq, ġew preżentati l-awards, trofej u tifkira lil dawk li spikkaw matul dan il-kampjonat.

David Dimech ingħata trofew – Best Rider 2018

Il-Frank Bruno Motocross Award 2017 ingħata lil Steve Cassar biex jiġi rikonoxxut l-entużjażmu, id-dedikazzjoni u d-dixxiplina li huwa wera matul l-istaġun kollu bħala sewwieq-membru tal-GMA.

Il-president Frank Xuereb u  s-segretarja eżekuttiva VickyAnn Xuereb, u ngħataw rikonoxximent tax-xogħol siewi u ħabbrieki li jagħmlu fi ħdan l-għaqda għall-ġid tal-isport.

Il-Gozo Motocross Association tat tifkira lill KULL sewwieq-membru li pparteċipa f’dan l-istaġun.

Flaħħarnett, is-CEO tal-Gozo Sports Board Alvin Grech, ippreżenta t-trofej lir-rebbieħa tal-ġurnata. Dawn kienu r-rebbieħa:

Klassi A:
1st – Steve Xuereb
2nd – David Dimech
3rd – Joseph Bigeni
Klassi B:
1st – Glenn Vella
2nd – Nataniel Camilleri
3rd –  Jorn Stellini
Klassi C:
1st – Matthew Spiteri
2nd –Mark Zammit
3rd – Steve Cassar

Wara l-premjazzjoni, is-sewwieqa kollha, il-ħbieb u l-familji tagħhom  iltaqgħu flimkien biex jifirħu f’din iċ-ċelebrazzjoni ta’ rebħ f’atmosfera ta’ għaqda u ta’ familja. Inżamm BBQ kbir biex b’hekk ingħalaq staġun ieħor ta’ kompetizzjoni f’dan l-isport tant sabiħ u meraviljuż.

Sadanittant, il-Gozo Motocross Association qed tkompli bl-aħħar ftit preparamenti għall-avventura li jmiss li din id-darba ser issir fi Sqallija. Tnax-il sewwieq ser jikkompetu ma’ sewwieqa Sqallin fil-Motocross Park ta’ Francavilla fi Sqallij. Dan l-avveniment ser ikun bejn il-11 u 13 ta’ Mejju u huwa ssapportjat mill-Ministeru għal Għawdex u minn O’Neal Malta.

Għal aktar tagħrif wieħed jista jżur il-paġna ta’ Facebook fuq https://www.facebook.com/gmagozo/


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/il-finali-tal-yamaha-gozo-motocross-championship-2018/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.