Il-Finali tal-Kampjonat tal-Motocross f’Għawdex

Wednesday, July 1, 2020, 9:56

Il-Gozo Motocross Association organizzat il-Finali tal-Kampjonat 2020, sponsorjat minn Enemed.  Dan l-aħħar avveniment għal dan l-istaġun fit-Trekk ta’ Xħajma beda fil-5:00pm.

L-eċitament kien kbir hekk kif folla mdaqqsa nġabret biex tara t-tmiem ta’ kampjonat li kien ilu għaddej dan l-aħħar sitt xhur. Minhabba l-pandemija Covid 19, il-kampjonat flimkien ma’ ħafna attivitajiet ohra, kellhom jieqfu. Hekk kif il-Gvern u l-entitajiet tas-saħħa refgħu r-restrizzjonijiet, tkomplew l-aħħar żewġ attivitajiet. Is-semifinali saret il-Ħadd 21 ta’ Gunju filwaqt li l-Finali saret fit-28 ta’ Ġunju.

Kulħadd kien ħerqan sabiex jara lis-sewwieq, ċampjin tal-2017/18, Steve Xuereb, jilħaq punti massimi f’dan il-kampjonat hekk illi spiċċa b’480 punt. Għaldaqstant huwa ġie nkurunat ċampjin ta’ Klassi A kif ukoll ċampjin overall tal-kampjonat.  Sadanittant kollox kien għadu inċert sew fi klassi B u anke fi klassi Ċ. Hekk kif Daniel Portelli kellu 4 punti vantaġġ fuq Robert Spiteri mis-semifinali l’hawn,  huwa stinka u ħareġ rebbieħ fuq Spiteri bi 13-il punt. Portelli huwa ċampjin fi klassi B.

Fi klassi Ċ, ir-rebbieħ żagħżugħ u l-aktar sewwieq promettenti tal-2019, Isaac Bartolo, beda jitlef xi punti. Sylvan Caruana ħataf l-opprtunità u kellu l-ħila jegħleb lil Bartolo nhar il-Ħadd, hekk illi huwa, Caruana spiċċa ċampjin fi klassi Ċ. Jurgen Attard, għalkemm għandu 28 sena huwa prattikament ġdid għall-motocross f’Għawdex. Huwa wkoll mexa’ ‘l quddiem b’ammont kbir ta’ punti fil-klassi tiegħu u għalhekk ġie nkurunat ċampjin fi klassi D.

Fuq iċ-Champions Chield, issa jitniżżlu l-erba’ ismijiet tar-rebbieħa ta’ dan l-istaġun.

Iċ-ċerimonja tal-għoti tat-trofej saret hekk kif spiċċaw it-tlielaq. Is-Sur Michael Vonbrockdorf minn Throttle & gear Co. Ltd., sponsorja u ppreżenta trofej lir-rebbieħa tal-ġurnata. Tqassmu tifkira ta’ parteċipazzjoni lis-sewwieqa membri kollha li xi darba jew oħra ipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet li torganizza l-GMA. Il-“Frank Bruno Motocross Award”, trofew uniku magħmul artistikament apposta għal din l-okkażjoni minn Steve Xuereb, li jingħata kull sena lil dak is-sewwieq li jkun wera dixxiplina, perseveranza u ubbidejnza matul l-istaġun, ingħata lil Anthony Fenech filwat lit-trofej “Most Promising Rider 2020” ingħata liż-żagħżugħ Mark Camilleri.

Sadanittant, l-Onorevoli Clint Camilleri, Ministru għal Ghawdex, onorana bil-preżenza tiegħu u ppreżenta l-erba’ trofew tar-rebħa mill-isbaħ liċ-ċampjins. Huwa faħħar l-inizjattivi tal-kumitat u qal illi huwa mpressjonat bil-livell għoli ta’ organizzazzjoni u parteċipazzjoni fi ħdan din l-assoċjazzjoni. Huwa wiegħed illi l-Ministeru għal Għawdex ser jibqa jissaportja dan l-isport ħalli aktar żgħażagħ u tfal jersqu biex jipparteċipaw.

Il-GMA tixtieq tirringrazzja lill isponsors li jagħtu daqqa t’id f’kull staġun. Lill-Enemed, lil huma l-isponsors ewlenin, lil Yamaha fi ħdan Gazan Zammit Motors Ltd., lil Ravenol Oil & Lubricants għand Galea General Services LTD, DBar Restaurant, Jason u Daniel Portelli J&D Cycles, Wenzu Mercieca ta’ Mezzan Garage, J&R auto parts, GozoCreations Signs & Graphics, Vince Grima bil-Grima Service Station u Grima Fuel Supplies, Anthony Fenech ta’ Service with a Smile on Time, Trottle & gear Co. Ltd. bil-prodotti O’Neal, Christopher Briffa bil-Casual Bikers,  u Alex Debono Sports Experience Trophies & Awards.

Grazzi wkoll lil Alvin Scicluna  minn CVC Media u John Busuttil mill-programm Sport Għawdex.

Ringrazzjament ukoll lill-membri attivi tal-kumitat, lis-Sinjura Liliana Xuereb tal-fotografija, u lil E.R.R.C.. Fl-aħħar nett Frank Bruno, President tal-GMA wiegħed li ser ikompli jaħdem bi sħiħ ħalli dan l-isport jibqa’ miexi ‘l quddiem fil-gżira Għawdxija.

Il-Finali tal-Gozo Motocross Championship-fuelledby Enemed se tkun imxandra fuq il-programm Sport Għawdex fuq TVM2 dalwaqt.

Il-kampjonat tal-2021, jerġa’ jibda f’Settembru 2020.

Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook – Gozo Motocross Association.





Leave a comment