- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Il-Finali tal-‘BOV Tazza l-Kbira’ se ssir fit-22 ta’ April

Posted By Sportinmalta On April 12, 2018 @ 10:53 am In Featured,Horse Racing | No Comments

In-numri tat-tluq wara l-karozza fil-Finali tal-‘BOV Tazza l-Kbira 2018’ ittellgħu mis-sidien taż-żwiemel matul konferenza stampa li saret fil-Malta Racing Club.

Il-‘BOV Tazza l-Kbira’ hija l-aktar tiġrija prestiġjuża fil-kalendarju lokali tat-tiġrijiet taż-żwiemel u t-tiġrija tkun fuq distanza ta’ 2640 metru. It-12-il finalist ġew determinati minn 68 żiemel tat-trott li jiġru fl-ogħla klassi wara sensiela ta’ 6 heats u tliet semifinali. Sfortunatament wieħed minn dawn ġew irtirati mill-finali qabel it-tlugħ tal-poloz minħabba li safa’ mweġġa.

Is-Sur Thomas Cunningham, Segretarju Ġenerali tal-Malta Racing Clubu s-Sur Charles Azzopardi, Kap Eżekuttiv tal-PR u l-Marketing fil-Bank of Valletta flimkien mas-sidien taż-żwiemel finalisti tellgħu l-poloz għan-numri li se jibdew bihom.

‘Din is-sena l-‘BOV Tazza l-Kbira’ mhux biss kellha numru akbar ta’ żwiemel jieħdu sehem, imma se jkollha marbut magħha wkoll l-akbar premju fi flus tas-sena, li jikkonferma dan it-trofew bħala l-akbar avveniment tal-istaġun’ qal is-Sur Thomas Cunningham. ‘Fil-finali se naraw numru ta’ żwiemel tat-trott li huma ġodda fuq il-gżira, kif ukoll żwiemel li huma diġa stabiliti lokalment. Aħna ninsabu kuntenti ferm li hawnhekk magħna llum għandna lis-sidien taż-żwiemel, u kif inhi t-tradizzjoni huma stess se jkunu qed itellgħu n-numri li se jibdew bihom fil-finali, biex b’hekk niżguraw it-trasparenza.’

‘Jiena nixtieq nieħu din l-opportunità biex nawgura lis-sidien kollha taż-żwiemel hawnhekk preżenti l-aqwa prestazzjoni fil-finali tal-‘BOV Tazza l-Kbira’’, qal is-Sur Azzopardi. ‘Il-Bank of Valletta huwa sinonimu ma’ avvenimenti sportivi ta’ profil għoli f’Malta u f’Għawdex u huwa pjaċir tagħna li għal darb’oħra se nkunu qed nappoġġjaw l-aqwa tiġrija tat-trott f’Malta’.

Il-finali tal-‘BOV Tazza l-Kbira’ se ssir nhar il-Ħadd 22 ta’ April 2018 bl-ispettaklu fil-Korsa taż-Żwiemel tal-Marsa jibda fis-1:30 pm. It-tiġrija se tinkludi 11 il-żiemel li se jkunu qed jippruvaw inaqqxu isimhom fuq dan it-trofew prestiġjuż, bi tlieta minnhom diġa kienu finalisti fit-tiġrija tas-sena l-oħra – Service Secret, Midsummer King u Tanguy de Nappes filwaqt li Brigadoon kien finalist fl-2016. It-tiġrija tinkludi żwiemel minn Franza, l-Iżvezja u l-Italja.

Kif mistenni qed jitħejja wkoll programm ta’ divertiment speċjali li se jinkludi l-parteċipazzjoni tal-Malta Mini Owners Club li se jkunu qed jesebixxu l-vetturi tagħhom kif ukoll jieħdu sehem fil-parata tal-finalisti billi jwasslu lis-sidien saż-żona tal-preżentazzjoni. Is-sewwieqa se jitwasslu fuq vetturi u karrettuni qodma miġbuda miż-żwiemel.

Iż-żwiemel finalisti se jitmexxew mir-rebbieħ tat-Tazza l-Kbira tal-2011 Kakisis.

In-numri taż-żwiemel kif telgħu u l-ġerrejja tagħhom:

1. Service Secret – Andrew Farrugia

2. Paparazzi – Mark Bonnici

3. Rififi Nonantais – George Attard

4. Urac – Jesmar Gafa’

5. Tchao Chamant – Shawn Axisa

6. Midsummer King – Clint Vassallo

7. Brigadoon – Julian Farrugia

8. Urgah du Rib – Charles Camilleri

9. Tyrol de Feugeres – Rodney Gatt

10. Tip Top Nelliere – Michael Ellul


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/il-finali-tal-bov-tazza-l-kbira-se-ssir-fit-22-ta-april/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.