Il-Finali tal-Autocross u l-Motocross tal-ASMK għal nhar is-Sibt li ġej

Wednesday, July 22, 2020, 10:32

Nhar is-Sibt li ġej, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) se tkompli bl-attivitajiet mill-kampjonati tal-2019/2020, bis-sezzjoni tal-muturi li tibda fl-4:00pm u tal-karozzi li tibda fis-7:00pm. Dik tal-muturi se tkun l-aħħar attivita mill-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2019/2020, filwat li tal-karozzi se tkun id-disa’ attività mill-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2019/2020, li tibqa sejra sa tard bil-lejl taħt id-dawl artifiċjali.

Fil-klassifika tal-Motocross, fi Klassi A Kyle Camilleri fuq KTM jinsab fil-quċċata b’239 punt segwit minn Bernard Sammut fuq mutur Beta b’222 punt. B’hekk fl-attività li jmiss se jkun hemm taqtigħa għar-rebħ tal-kampjonat.

Fi Klassi B diġa’ jidher ċar li s-sewwieq Għawdxi Jorn Stellini fuq mutur KTM ser ikun qed jirbaħ din il-klassi, hekk kif għandu 245 punt u jinsab segwit minn Michael Sant fuq Husqvarna b’184 punt u James Mamo fuq Yamaha b’145 punt.

Fil-Klassi tal-Veterani kollox jiġi deċiż nhar is-Sibt li ġej, bit-taqtigħa li se tkun bejn Paul Deguara fuq mutur KTM li bħalissa għandu 197 punt segwit minn William Sant fuq Honda b’179 punt.

Fil-Kampjonat Nazzjonali Autocross Modified, fi Klassi A, Andrew Pisani fuq Opel Nova jinsab fuq quddiem b’174 punt segwit minn Jean Paul Grech fuq Peugeot 106 b’157 punt u Noel Zammit fuq Fiat Punto b’143 punt.

Fi Klassi B, Justin Buttigieg fuq Opel Nova jinsab fuq quddiem bi 48 punt segwit minn Paul Formosa fuq Fiat Uno b’23 punt.

Għal aktar informazzjoni idħlu fuq www.asmk.org.mt jew żuru l-paġna ta’ Facebook bl-isem Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt mal-Kumitat Ezekuttiv bl-email li hu info@asmk.org.mt

Ritratti ta Robert De Carlo





Leave a comment