Il-favoriti jibdew bir-rebħ fl-ewwel ġurnata

Tuesday, November 28, 2017, 13:16

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni

minn Colin Schembri

Balkan Fusion 80

Victoria Libertas 44

(18-9)(20-19)(17-1)(25-15)

Hekk kif intemmet il-kompetizzjoni tas-St.James Hospital Shield imiss il-bidu tal-logħob mill-kampjonat BOV. Kienu l-istess rebbieħa tas-Shield, Balkan Fusion, li fetħu l-kampjonat b’rebħa fuq Victoria Libertas 80-44. Balkans kienu superjuri tul il-partita kollha bl-eċċezzjoni tat-tieni sessjoni fejn it-team ta’ Victoria żamm il-pass mall-avversarji. Il-bidu tal-partita kien bilanċjat bil-punti jaslu bil-mod għall-parita ta’ 6-6.  Hawn pero Balkan għamlu run ta’ 12-1 b’punti ta’ Bogdan Ilic u Nikola Stankovic fost l-oħrajn flimkien ma’ trippla ta’ Zika Stankovic. Qabel intemmet is-sessjoni, basket ta’ Emanuel Lupo naqqas xi ftit id-distakk għal Victoria għal skor ta’ 18-9. Fit-tieni taqsima l-logħob kien aktar maqsum biż-żewġ timijiet jagħmlu inqas żbalji u jirrispondu lil xulxin fil-punti. Victoria għaddew minn mument tajjeb bi tlett three pointers ta’ David Garcia u waslu sa’ tlett punti ‘l bogħod 20-23. Balkan wieġbu permezz ta’ Slavko Opojevlic u Ilic però trippla oħra ta’ David Agius ressqet lil Victoria aktar viċin. Kien biss lejn tmiem it-taqsima li Balkan reġgħu stabilixxew vantaġġ komdu wara żewġ trippli minn Zika Stankovic biex daħlu jistrieħu 10 minn fuq 38-28.

It-tielet taqsima kienet dominata minn Balkan hekk kif Victoria kellhom biss punt wieħed minn freethrow ta’ Garcia. Minn hemm l‘quddiem Balkan għamlu 12 –il punt biex kabbru l-vantaġġ 55-29. Fl-aħħar taqsima, iż-żewġ timijiet bdew bil-punti tagħhom b’baskets fuq kull naħa. Reġħhu kienu Balkan li żiedu l-vantaġġ bit-trippli ta’ Stankovic u komplew biex għalqu l-partita b’run ta’ 10-0 biex ħarġu rebbieħa 80-44.

Balkan Fusion: N. Radicevic 7, B. Ilic 9, I. Kumric, S. Opojevlic 12, A. Perunicic, S. Jorben, Z. Stankovic 14, U. Lasic, N. Bukva 16, V. Lekovic 6, N. Stankovic 16, M. Hernandez.

Victoria Libertas: D. Garcia 12, M. Farrugia 9, M. Sammut, K. Galea, N. Petrucci, S. Mizzi, P. Caruana 2, D. Miani 4, E. Lupo 8, V. Barbu, D. Agius 7, B. Soler 2.

Referees: Emanuel Mangani, Nicky Azzopardi.

 

Starlites GIG 49

Hibs 64

(10-19)(11-18)(10-11)(18-16)

Hibs ukoll fetħu l-impenji tagħhom fil-kampjonat b’rebħa fuq Starlites 64-49. Partita li fiha spikka n-numru sabiħ ta żagħżagħ fuq il-court b’ħafna mill-players saħansitra jimmilitaw fil-kampjonat ta’ taħt id-dsatax –il sena. Ryan Carabott kien nieqes għal Starlites fil-waqt li Hibs inkludew lil Kieron Caruana minflok Luke Farrugia. Luca Tardito fetaħ il-partita għal Hibs bi Starlites imorru fuq quddiem 3-2 wara punti minn Matthew Scerri u Miguel Vella. Hibs kellhom żewġ three pointers ta’ Caruana f’run ta’ 18-4. Starlites kellhom risposta permezz ta’ Mirco Azzopardi u Anthony Schembri però Hibs temmew l-ewwel perjodu fuq quddiem 19-10. Fit-tieni taqsima, kienu Starlites li fetħu tajjeb bi trippla t’Azzopardi. Hibs wieġbu permezz ta’ Tardito u Micheal Houmpton u komplew b’run ta’ 8-0 qabel l-intervall għal skor ta’ 37-21.

Starlites fetħu t-tielet sessjoni b’run ta’ 8-1 maqsuma bejn Falzon u Isaac Pace. Ir-risposta ta’ Hibs ġiet permezz tal-punti ta’ Isaac Bonett flimkien ma’ Caruana u Tardito biex baqgħu iżommu vantaġġ komdu ta’ 17 –il punt 48-31. Fl-aħħar taqsima, reġgħu kienu Hibs li fetħu tajjeb bil-punti ta’ Caruana u Paul Attard. Starlites tħabtu biex jersqu viċin hekk kif kellhom it-three pointers ta’ Azzopardi u Owen Psaila però l-vantaġġ tal-Hibs kien wieħed komdu u setgħu jamministraw il-logħba sat-tmiem u jieħdu l-ewwel rebħa tal-kampjonat 64-49.

Starlites: O. Psaila 6, M. Azzopardi 16, L. Vella, I. Felice Pace 3, M. Scerri 4, M. Falzon 6, J. Attard 4, I. Pace 5, M. Vella, J. Wait, A. Xuereb, A. Schembri 5.

Hibs: K. Caruana 17, M. Formosa 4, K. Sultana 8, L. Tardito 10, P. Attard 2, I. Bonnett 11, E. Xuereb 4, J. Piscopo, M. Laferla, M. Houmpton 8, M. Buhagiar.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Igor Marjanovic.

Marvels Power Plus 51

Depiro 72

(11-11)(11-14)(12-21)(17-26)

Depiro wkoll fetħu l-kampjonat meta għelbu lil Marvels Power Plus 72-51. Imexxija tajjeb mill-Amerikan Jack Nygaard, Depiro kienu fuq quddiem kważi tul il-partita kollha. Marvels kellhom ir-ritorn ta’ Nicolo Guida u Darren Debattista fil-waqt li Depiro kellhom il-formazzjoni tipika tagħhom però kien nieqes Kurt Xuereb. Sa’ nofs l-ewwel sessjoni, l-punti ġew bil-mod għalkemm Depiro kienu 8-4 minn fuq wara trippla ta’ Nygaard. Marvels naqqsu d-distakk, u wara li Depiro reġgħu wieġbi bi trippla ta’ Marko Zloh, Marvels għamlu l-aħħar punti tas-sessjoni minn Guida u Christian Briffa għal skor ta’ 11-11. Fit-tieni sessjoni, Marvels komplew tajjeb u ħadu l-vantaġġ fir-raba’ minuta 17-15 u baqgħu minn fuq dat-tmien minuta wara punti minn Darryl Pisani u Briffa. Depiro qalbu r-riżultat lejn it-tmiem b’baskets ta’ Myron Agius u Nygaard u daħlu jistrieħu 25-22 minn fuq.

Wara l-intervall, Depiro kienu l-aħjar team hekk kif Marvels kellhom sensiela ta’ turnovers speċjalment lejn it-tmiem. Sa’ nofs is-sessjoni Depiro fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 36-28 b’Nygaard, Matthew Borg u Nicholas Grech jagħmlu l-punti. Marvels waqqfuhom b’żewġ baskets minn Guida u Ruben Curmi qabel ma Depiro kellhom run ta’ 10-2 biex temmew il-perjodu 46-34 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni, Marvels reġgħu naqqsu d-distakk għal 8 punti però hawn Depiro kellhom run oħra tajba ta’ 16-2 b’żewġ trippli minn Grech u Nygaard biex fetħu vantaġġ ta’ 22 punt 66-44. Huma baqgħu jikkontrollaw il-logħob hekk kif il-coach Alfred Mifsud ta spazju lil players żagħżagħ biex ħarġu rebbieħa 72-51.

Marvels Power Plus: G. Borg, N. Guida 19, D. Pisani 7, R. Curmi 2, D. Debattista 2, D. Verebies, K. Tedesco, A. Morris, C. Briffa 17, D. Borg, A. Toompere 4.

Depiro: J. Vibe 2, A. Magri, M. Agius 6, A. Attard 4, N. Grech 9, J. Camilleri, M. Zloh 7, E. Briffa, M. Borg 17, R. Xuereb, J. Nygaard 27, M. Debattista.

Referees: Nicky Azzopardi, Igor Marjanovic.

Luxol 72

Siġġiewi 69

(15-7)(22-12)(20-20)(15-30)

Luxol u Siġġiewi reġgħu offrew partita kumbattuta u għalkemm finalment kienu Luxol li ħarġu rebbieħa, Siġġiewi wettqu rimonta stupenda wara l-intervall li kważi tathom ir-rebħa. Vukassin Jandric kompla jikkonferma l-potenzjal tiegħhu speċjalment fl-ewwel żewġ sessjonijiet u n-nuqqas ta’ Keith Dimech fit-team ta’ Luxol kien kompensat bil-wirja tajba ta żagħżagħ bħal Liam Caruana Montaldo, Pablo Cefai u Juan Navarro. Siġġiewi wkoll kellhom diversi players neqsin bħal Lee Grech, Joshua Anastasi u Konstantinos Arvanitakis. Luxol inkludew ukoll lil CJ Cordina li però ma ħax sehem fil-partita. Il-partita kellha bidu kwiet tant li sas-seba’ minuta saru biss 3 punti fuq kull naħa. Luxol imbagħad marru fuq quddiem bi trippla ta’ Jandric u punti minn Cefai u temmew l-ewwel sessjoni 15-7 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Siġġiewi kellhom il-punti ta’ Hubert Agius li kellhu trippla biex naqqsu d-distakk 20-13. Luxol wieġbu b’run qawwija ta’  15-2 kważi kollha minn Jandric biex fl-intervall kienu 37-19 minn fuq.

Luxol komplew tajjeb fil-ftuħ tat-tielet sessjoni b’żewġ three pointers minn Merlin Blazquez u Caruana Montaldo biex sal-ħames minuta kellhom vantaġġ ta’ 25 punt 47-21. Hawn Siġġiewi ġew f’tagħhom u bdew rimonta mmexxija minn Agius b’run ta’ 9-0. Cefai waqqafhom bi trippla però Agius flimkien ma’ Roberto Alosco komplew jagħmlu l-punti għal Siġġiewi biex il-vantaġġ ta’ Luxol niżel għal 18 –il punt 57-39. Luxol dehru li se jikkontrollaw il-vantaġġ komdu li kellhom fl-aħħar sessjoni hekk kif iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin. Sas-sitt minuta Luxol kienu għadhom 13 minn fuq 64-51 però hawn Siġġiewi bdew sensiela ta’ three pointers minn John Paul Antoncic u Alexander Novakovic. Fl-aħħar minuta, Antonic għamel żewġ three pointers oħra però Siġġiewi ma kienx għad fadlilhom ħin hekk kif Luxol ħadu nifs qawwi u rebħu l-partita 72-69.

Luxol: CJ Cordina, L. Caruana Monaldo 15, V. Jandric 36, B. Caruana Monaldo 2, P. Cefai 11, M. Blazquez 4, M. Sojberg, J. Navarro 4, R. Falzon.

Siġġiewi: J. Carter, JP Antoncic 11, H. Agius 24, G. Agius 2, R. Alosco 13, A. Baldacchino, R. Camilleri, A. Novakovic 17, O. Shamala 2.

Referees: Emanuel Mangani, Jennifer Mangani.





Leave a comment