- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Il-BOV GFA Plejer tax-Xahar ta’ Frar imur għand Alberto Xuereb ta’ Għajnsielem

Posted By Sportinmalta On April 10, 2018 @ 2:57 pm In Featured,Football | No Comments

Iż-żagħżugħ Alberto Xuereb ta’ Għajnsielem FC huwa l-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Frar 2018.

Xuereb, li għandu 20 sena, huwa l-prodott tan-nursery ta’ Għajnsielem u tela’ pass pass fil-gruppi ta’ età differenti tal-klabb sakemm sab postu mat-tim tal-kbar.

Għajnsielem kisbu 7 punti fi 3 partiti matul ix-xahar ta’ Frar, u din il-fażi pożittiva begħdithom miż-żona tar-relegazzjoni. Alberto skorja l-gowl tar-rebħa meta Għajnsielem għelbu lil SK Victoria Wanderers bl-iskor ta’ 2-1 u anke niżżel ismu mal-lista tal-iskorers fid-draw tagħhom ta’ 3-3 kontra Kerċem Ajax.

Alberto huwa plejer versatili ħafna u għalkemm juri l-aħjar logħob tiegħu f’nofs il-grawnd, huwa jkun effettiv ħafna wkoll fl-attakk u jaqa’ lura meta jkunu meħtieġa s-servizzi tiegħu. Għajnsielem kellhom bidu kajman għall-istaġun fil-Kampjonat tal-GFA imma għadhom biċ-ċans għall-BOV GFA Cup u għall-kompetizzjoni tal-MFA Knockout.

Horace Laudi, l-Eżekuttiv Reġjonali għal Għawdex tal-Bank of Valletta ppreżenta t-trofew tal-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Frar 2018 lil Xuereb li għażel lill-Fondazzjoni Arka biex jibbenefikaw mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/il-bov-gfa-plejer-tax-xahar-ta-frar-imur-ghand-alberto-xuereb-ta-ghajnsielem/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.