- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Il-BOV Basketball Arena fl-aħħar stadju ta’ Kostruzzjoni

Posted By sportinmalta1 On December 12, 2013 @ 8:43 pm In Basketball,Featured | No Comments

minn Colin Schembri

Fl-2014, il-Malta Basketball Association sejra tiċċelebra l-50 anniversarju mit-twaqqif tagħha b’diversi attivitajiet u avvenimenti li sejrin jiġu mhabbra aktar tard. Fuq kollox, sejra tinawgura l-BOV Basketball Arena, ċentru għat-taħriġ tal-basketball, liema kumpless jinsab fl-aħħar stadji tal-kostruzzjoni tiegħu u li se jkun lest għall-użu mit-timijiet proprju fil-50 sena tal-Assocjazzjoni.

Dan kien il-qofol ta’ konferenza tal-aħbarijiet li saret illum wara nofsinhar u li kienet indirizzata mill-Onorevoli Stefan Buontempo Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żagħżagħ u Sport flimkien ma’ Paul Sultana President tal-MBA u s-Sur Michael Galea Chief Officer tal-Bank of Valletta.

F’diskors tal-okkażjoni, l-Onorevoli Buontempo qal li dan il-kumpless huwa sinjal  ta’ proġett sostenibbli bejn il-Gvern u l-Privat. Huwa qal li li l-Gvern huwa kommess li jkompli jkattar l-iżvilupp tal-Isport f’pajjiżna u kumplessi bħal dan li bniet l-MBA iżid f’dan il-proċess. Huwa jinsab kuntent għal mod kif imxew l-affarijiet hekk kif il-kumpless inbena f’temp ta’ ftit xhur.

Il-President tal-MBA Paul Sultana qal li din il-ħolma tal-Assocjazzjoni illi jkollha kumpless tal-aqwa kwalita’ ma kinitx se tkun possibbli mingħajr l-għajnuna tal-Gvern Ċentrali u l-Kunsill Malti ghall-Isport (KMS) illi kkonċedew l-art lill-MBA sabiex fuqha tibni dan il-kumpless, u kif ukoll tal-għajnuna finanzjarja li l-istess taw lill-Assocjazzjoni. Ta’ għajnuna speċjali kien ukoll l-appoġġ finanzjarju tal-Bank of Valletta, li bħal dejjem urew u fiduċja u appoġġ fl-isport tal-basketball  f’pajjiżna. Sibna għajnuna kbira wkoll minn Kuntrattur ewlieni Elbros kif ukoll lil Perit Edgar Caruana Montaldo, President ta wieħed mit-timijiet ewlenin tal-Basketball, Luxol, u fl-aħħar u ċertament mhux l-inqas Saint James Hospital.

Il-ħidma tal-MBA ma tieqafx hawn. L-iżvilupp tal-basketball jibqa’ fiċ-ċentru tal-attivitajiet kollha, izda ir-rwol soċjali li l-Assocjazzjoni tħaddan ma jintemmx hawnhekk. Huwa għaldaqstant illi l-MBA tħabbar illi għal darb’oħra, se tkun qegħda żżomm l-ALLSTAR EVENING, attivita’ maħsuba sabiex jinġabru fondi għall-Istrina, miżgħuda bl-ispettaklu li toffri l-loghba tal-basketball, li dis-sena se tinżamm fit-22 ta’ Diċembru 2013, mis-2pm ‘il quddiem, ġewwa l-Padiljun Nazzjonali tal-Basketball ġewwa Ta’ Qali. F’din l-attivita’, fost hafna parteċipanti, se jipparteċipaw il-politiċi Maltin f’loghba basketball. Mistenni ukoll jattendi l-Eċċellenza Tiegħu il-President ta’ Malta, Dottor George Abela. Aktar informazzjoni tinstab fuq il-Facebook Page tal-Malta Basketball Association.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/il-bov-basketball-arena-fl-ahhar-stadju-ta-kostruzzjoni/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.