Il-Best Fans Award jinfirex għad-diviżjonijiet kollha

Friday, February 8, 2019, 15:32

Il-kontribut tal-partitarji lejn il-klabbs u l-futbol Malti se jerġa’ jkun rikonoxxut waqt is-serata tal-MFA Awards ta’ din is-sena.

Imniedi għall-ewwel darba s-sena li għaddiet bil-għan li jiġu onorati l-isforzi tal-partitarji li dejjem juru l-lealtá u appoġġ kontinwu lill-klabbs tagħhom, il-Best Fans Award se jkun qed jifforma parti mill-avveniment li jiġi mtella’ fi tmiem l-istaġun.

Fl-ewwel sena tiegħu, dan l-unur kien miftuħ għall-partitarji tal-14-il klabb li jifformaw il-BOV Premier League iżda wara kummenti nkoraġġanti, il-Kumitat Organizzattiv tal-MFA Awards għażel li jespandi din il-kategorija għad-diviżjonijiet kollha.

Il-partitarji ta’ Valletta FC, li fl-istaġun li  għadda rebħu l-kampjonat u l-FA Trophy, kienu r-rebbieħa ta’ dan il-premju fl-MFA Awards tas-sena l-oħra.

Dan l-istaġun, il-partitarji tat-53 klabb affiljati mal-Malta Football Association għandhom inċentiv ieħor biex anke huma iżiedu l-isforzi tagħhom sabiex jagħtu sapport akbar u iktar kulurit lit-timijiet favoriti tagħhom.

“L-introduzzjoni tal-Best Fans Award ġiet milqugħa b’mod mill-aktar pożittiv mill-partitarji lokali,” qal Dr Matthew Paris, il-Viċi-President tal-MFA li jikkordina l-organizzazzjoni tal-MFA Awards.

“Dan l-istaġun, il-kampjonati fl-erba’ diviżjonijiet huma mill-aktar interessanti. Min-naħa tagħhom, il-partitarji qed jagħmlu l-parti tagħhom billi jagħtu l-appoġġ massimu lit-timijiet rispettivi u permezz ta’ dan joħolqu atmosfera sabiħa.

“Il-Kumitat Organizzattiv estenda din il-kategorija għall-firxa tad-diviżjonijiet kollha hekk kif il-partitarji tal-klabbs kollha affiljati mal-MFA jimmeritahom li jkunu kkunsidrati.

“Irridu nuru l-apprezzament tagħna lil dawn il-partitarji li jagħtu l-appoġġ u s-sostenn kontinwu lit-timijiet tagħhom.

“Fl-aħħarnett, nittamaw li l-attendenzi, li kienu nkoraġġanti s’issa, ikomplu jikbru hekk kif fl-aħħar parti tal-istaġun il-kampjonati jilħqu l-qofol tagħhom.”

Fi tmiem l-istaġun, titħabbar il-lista tal-finalisti għall-Best Fans Award li se jkunu magħżula minn panel ta’ ġurnalisti. Il-kandidati jingħataw punti fuq dawn it-tliet kriterji:

  • Attendenza
  • Korjografija
  • Imġieba tajba

Ir-rekord ta’ dixxiplina tal-partitarji se jkun qed jittieħed inkonsiderazzjoni. Offiżi relatati ma’ imġieba mhux xierqa li jkunu suġġetti ta’ azzjoni mill-Bord tal-Kontroll u d-Dixxiplina tal-MFA jirriżultaw fi tnaqqis ta’ punti.

Ir-rebbieħa jitħabbru waqt is-serata tal-MFA Awards li se ssir f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Mejju.





Leave a comment