Il-Beltin waħedhom fil-quċċata

Saturday, October 21, 2017, 14:39

Din il-ġimgħa ta’ futsal għalqet bil-konfront dirett u mill-aktar sprttakolari fil-quċċata tal-klassifika bejn it-tim tal-Università u Valletta. Minkejja li l-Universitarji niżlu fit-tieni post, xorta komplew juru li huma tim organizzat li jagħti logħba tajba lill-avversarji.

Bidu ferm tajjeb għall-Univeritarji li kellhom vantaġġ ta’ 3-1 qabel tmiem l-ewwel taqsima. Għalihom idebutta l-istudent Franċiż Mamad Diab li għandu esperjenza fil-futsal u skurja wieħed mill-erba’ gowls. Il-gowls l-oħra għat-tim tal-Università waslu permezz ta’ Joselito Aguilera, Alex Ellul u awtogowl.

Għal Valletta idebbutta l-plejer internazzjonali mill-Ġorġja Gia Nikvashvili li skurja tliet darbiet. Denis Di Maio u Shawn Vella ssiġġillaw ir-raba’ rebħa konsekuttiva, bl-iskor ta’ 5-4.

F’aktar logħbiet li kellna matul din il-ġimgħa, Hamrun Tre Angeli tilfu kontra Swieqi United bl-iskor ta’ 5-2. Pietà għelbu lil Tarxien JMI bl-iskor ta’ 5-3. Mriehel ESS ħarġu rebbieħa fuq it-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United bl-iskor ta’ 11-4. Qormi rritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Junior College bl-iskor ta’ 9-3. Iċ-ċampjins Luxol li ġejjin mill-esperjenza pożittiva fil-UEFA Futsal Cup għelbu lil Marsaskala bl-iskor kbir ta’ 18-0.

B’hekk kif għidna aktar qabel Valletta jinsabu waħedhom fil-quċċata bi 12-il punt, segwiti mit-tim tal-Università u Pietà b’9 punti. Fit-tielet post insibu lil Hamrun Tre Angeli u Swieqi United, Luxol u Qormi li għandhom sitt punti. Marsaskala,  Mriehel ESS u Tarxien JMI għandhom tliet punti, filwaqt li Junior College u t-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United għadhom mingħajr punti.

Intant il-ġimgħa d-dieħla jkollna dawn il-logħbiet fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin:

It-Tnejn 23/10/17

Fit-8:00 pm Junior College vs Pietà

Fid-9:15 pm Università ta’ Malta vs Swieqi United U21

Il-Ħamis 26/10/17

Fit-8:00 pm Qormi vs Hamrun Tre Angeli

Fid-9:15 pm Tarxien JMI vs Marsaskala

Il-Ġimgħa 27/10/17 vs vs Valletta

Fit-8:00 pm Luxol vs Mriehel

Fid-9:15 pm Swieqi United vs Valletta

 





Leave a comment