Il-Barranin li kienu Malta – ngħidulkom fejn qegħdin

Thursday, March 11, 2010, 17:30

minn Caroline Attard

Suġġett fil-football Malti li ma jmut qatt, bla dubju huwa dak tal-players barranin fejn filwaqt li xi wħud huma konvinti li fil-kampjonat Malti ma jiġux ċertu barranin ta’ livell, oħrajn isostnu li l-Kampjonat Malti qiegħed iservi ta’ tarġa oħra qabel dawn iż-zgħażagħ isibu opportunita` fix-xena tal-futbol Ewropew.

Għaldaqstant,  x’sar minnhom il-barranin li sa ftit snin ilu konna narawhom jilagħbu fil-Kampjonat Malti? Veru li l-kampjonat domestiku serva ta’ vetrina sabiex għamlu qabża fil-livell tal-karriera tagħhom?

Wara li sentejn ilu kien iddomina l-klassifika tal-aqwa scorers, Omar Sebastian Monesterolo kien ħalla Malta sabiex ingħaqad ma’ AEK Larnaca f’Ċipru filwaqt li kellu esperjenza qasira ma’ club tat-tielet divizjoni Israelita. Fir-ritorn tiegħu ma’ Valletta l-istaġun li għadda kulħadd innota li l-Arġentin ma kienx fl-istess forma tal-passat u permezz ta’ kuntatti minn persuna residenti f’Malta iffirma kuntratt ma’ East Bengal fil-bidu ta’ dan l-istaġun. Madankollu irridu ngħidu li din l-avventura fl-Indja ma kellhiex ħajja twila hekk kif l-attakant ta’ 26 sena ntemmlu ħesrem il-kuntratt wara xahrejn u llum jinsab lura fl-Arġentina.

Minkejja li s’issa kellu tliet preżenzi biss, mhux l-istess nistgħu ngħidu għad-difensur EX Tarxien Everson Alan da Lima li fit-tmiem l-istaġun li għadda ffirma kuntratt mat-team tal-ogħla Diviżjoni tar-Repubblika Ċeka Dynamo Ceske Budejovice wara li prova oħra mat-tim ta’ SC Pandurii.

Għaldaqstant, jekk inħarsu lejn il-passat hemm attakkant li mhux biss kien rebaħ award għall-aqwa barrani fl-2006 iżda ħafna jqisuh bħala wieħed mill-aktar barranin ta’ kwalita` li qatt lagħbu fil-kampjonat Malti, in-Niġerjan Ibrahim Babatunde. Wara żewg staġuni ma’ Msida SJ, Babatunde ingħaqad mad-Daniżi ta’ AC Horsens. Madankollu huwa kien sabha ferm diffiċli jaddatta ruħu għal-livell ħafna ogħla tad-Danimarka u llum jifforma parti mill-iskwadra tat-tieni diviżjoni tal-Lega Pro Taljana Nocerina.

Iżda jekk nitkellmu dwar il-barranin fil-kampjonat lokali żgur ma nistgħux ma nsemmux lil Frank Temile fejn wara staġun impressjonanti ma’ Valletta, ifirma kuntratt ta’ ħames snin mal-ġganti tal-Ukranja Dynamo Kyiv. Is-sena l-oħra n-Niġerjan lagħab 13-il partita tat-tim li għadu jifforma parti minnu sal-lum il-ġurnata tar-riservi u skorja tliet gowls. Sal-lum huwa kellu preżenza waħda biss mal-ewwel skwadra fil-kampjonat domestiku minkejja li għandu biss dsatax-il sena.

Sadatant, l-ex kollega tiegħu fit-tim ta’ Valletta Heiner Backhaus illum jifforma parti mill-iskwadra tat-tieni diviżjoni Ċiprijotta Olimpiakos Nicosia wara li l-istaġun li għadda huwa lagħab fil-kampjonat ta’ Hong Kong.

It-tim ta’ Birkirkara wkoll ikkontribwixxa biex ġab barranin ta’ livell matul is-snin. Attakkant li żgur mhux se jiddispjaċih li ġie jagħmel din l-esperjenza f’pajjiżna huwa Amed Davy Sylla. Wara li ntemmlu l-kuntratt minn mal-istripes fl-2008, l-avventura ta’ Sylla kompliet fid-Danimarka u llum jilgħab fil-League 2 ta’ Franza mat-tim ta’ FC Istres.

Pero żgur li jekk hemm sportiv li għamel qabża drastikka fil-livell tal-futbol wara esperjenza f’pajjiżna huwa Alex Rogic. Forsi tgħiduli min huwa dan. Rogic kien l-assistant ta’ Danilo Doncic fuq il-bankina ta’ Floriana żewġ staġuni ilu. Illum il-ġurnata dan l-assistant coach se jkun qiegħed jassisti lil EX coach ta’ Real Madrid u Barcelona u coach attwali tat-tim Nazzjonali tas-Serbia fil-fazi finali tat-Tazza tad-Dinja fis-Sud Africa f’Ġunju li ġej.





4 Comments

  1. alistair says:

    kellkom bzonn tamlu article fuq fitsel wkoll alistair

    [Reply]

  2. Caroline Attard says:

    Darko Krsteski illum il-gurnata rtira u qieghed assistant coach tat-tim mill-Macedonia FK Pobeda Prilep li huwa l-istess tim li kien iddebbutta mieghu fit-93 qabel issieheb ma’ Red Star Belgrade.

    [Reply]

  3. sam says:

    Artiklu interessanti .anki Boginov mill-Pieta beda u kristeski x sar minnu?

    [Reply]

  4. Joshua Cacciattolo says:

    Proset Caroline semmejt hafna plejers li hallew marka fil-futbol Malti. Jien ha semmi tlieta li deletanti tal-futbol zgur insewhom. Yala Bolasie (ex Floriana) idebutta daqs xahrejn ilu ma’ Plymouth Argyle fil-Coca Cola Championship wara li kien misluf f’divizjonijiet inferjuri. Attila Filkor (ex Pieta H) plejer ta’ l- Inter misluf lil Gallipoli fi Serie B. Kif nistghu nhallu barra lil Christian Terlizzi illum il-gurnata plejer internazzjonali taljan u ta’ Catania li wara zewg loghbiet ma’ Pieta Hotspurs gie rilaxxat mil-kuntratt.

    [Reply]

Leave a comment