- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

IKOMPLI L-KAMPJONAT ASMK AUTOCROSS

Posted By Sportinmalta On April 11, 2018 @ 11:19 am In Featured,Motorsport | No Comments

Nhar il-Ħadd li ġej l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi se tkompli bit-tiġrijiet tal-istaġun tal-karozzi autocross mill-Kampjonat Nazzjonali Pasta Poiatti 2017/2018. Il-Program jibda f’nofsinhar fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali.

Grech u Scicluna jirbħu fl-Autocross

Tmiem il-ġimgħa impenjativ fejn nhar is-Sibt li għadda ġew organizzati żewġ finali mit-tielet avveniment tal-autocross.

Fil-finali Autocross Klassi A Modified, Jean Paul Grech fuq Peugeot 106 flimkien ma’ Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova għamlu ħarġa tajba u Grech rebaħ il-finali segwit minn Pisani ftit wara t-tieni dawra. Pisani beda jirtira minħabba ħsara teknika fejn ħadlu posthu Karl Micallef fuq Ford Fiesta segwit minn Noel Zammit fuq Fiat Punto. Fil-kumplament tal-finali, is-sewwieqa kollha iddefendew posthom sal-aħħar izda r-riżultat finali spiċċa bi Grech jirbaħ segwit minn Micallef u Zammit. Fir-raba’ u l-ħames postijiet daħlu Pisani u Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo.

Fil-Finali Autocross Modified Klassi B, tluq tajjeb ħafna minn Gary Grech fuq Opel Corsa flimkien ma’ Kieth Borg fuq Vauxhall Nova u Ryan Scicluna fuq Ford Fiesta. Scicluna rnexxielu jieħu t-tmun tal-finali segwit minn Grech u Borg. Fir-raba’ post daħal Brandon Lee Vassallo fuq Peugeot 205.

Paul Muscat jirbaħ kollox fil-Motocross Klassi A

Fil-kwalifikazzjoni Paul Muscat fuq mutur Yamaha irreġistra l-aħjar ħin dak ta (1) minuta u 22.88 sekondi fil-Klassi A. Paul kien segwit minn Trevor Muscat fuq mutur Husqvarna b’differenza ta’ 13.925 sekondi. Fi Klassi B, Bernard Sammut fuq mutur Beta iddomina l-kwalifikazzjoni f’din il-klassi b’ħin ta’ (1) minuta u 30.574 sekondi. Dan kien segwit minn Gary Debono fuq mutur Sherco b’differenza ta’ 19.335 sekondi. Fil-Klassi tal-Veterani, Jethro Sant fuq mutur Yamaha iddomina l-kwalifikazzjoni b’ħin ta’ (1) minuta u 36.929 sekondi segwit minn Paul Deguara fuq mutur KTM b’differenza ta’ 0.551 sekondi.

Matul iż-żewġ Heats tal-ġurnata fi Klassi A Paul Muscat kompla jiddomina fejn irnexxielu jirbaħ iż-żewġ rawnds tal-ġurnata biex b’hekk irreġistra l-ewwel rebħa f’dan l-istaġun. Muscat spiċċa segwit minn Clayton Camilleri fuq mutur KTM u Trevor Muscat fuq mutur Husqvarna. Fir-raba’ u l-ħames post spiċċaw Kyle Camilleri fuq mutur KTM u Chris Muscat fuq mutur KTM ukoll. Is-sitt post intrebaħ minn Mark Mamo fuq mutur Yamaha.

Mill-Klassi B, Bernard Sammut fuq Beta għal darb’oħra rebaħ din il-klassi segwit minn Gary Debono fuq Sherco u Krist Falzon fuq Husqvarna. Fir-raba’ u l-ħames post spiċċaw Michael Sant fuq Husqvarna u Adrian Bonnici fuq Yamaha.

Mill-Klassi tal-Veterani, Paul Deguara fuq KTM reġa ddomina din il-klassi segwit minn Jethro Sant fuq Yamaha u Daniel Bonnici fuq KTM. Fir-raba’ u l-ħames post spiċċaw Andrew Cassar fuq KTM u William Sant fuq Honda, filwaqt li fis-sitt post daħal Joseph Azzopardi fuq Yamaha.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/ikompli-l-kampjonat-asmk-autocross/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.