- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Ikkonfermati t-timijiet tal-Futsal għall-istaġun 2015/16

Posted By Sportinmalta On August 13, 2015 @ 8:00 pm In Featured,Football | No Comments

F’laqgħa li saret kmieni t-Tnejn filgħaxija fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin, ġew imħabbra t-timijiet li se jieħdu sehem fl-istaġun li jmiss tal-futsal lokali.

F’din il-laqgħa kienu preżenti l-Kumitat Eżekuttiv tal-Futsal Malta Association (FMA) u l-biċċa l-kbira tad-delegati ta’ dawn it-timijiet:

Marsaskala, Mqabba, Luxol St. Andrews, Swieqi United, Mdina Knights, Żebbuġ Rangers, Ħamrun Spartans, Valletta, Lija Athletic, Luqa St. Andrew’s, Msida SJ, Qrendi United, Sirens, Sliema Wanderers u Gozo FC.

Fil-ġranet li ġejjin, se jittelgħu l-poloz fejn it-timijiet kollha se jilagħbu f’rawnd wieħed, bl-ewwel sitt timijiet klassifikati jilagħbu f’Kampjonat Elite u d-disgħa l-oħra jilagħbu f’diviżjoni għalihom. F’kull diviżjoni l-ewwel erbgħa jgħaddu għall-playoffs sabiex ikun hemm tim rebbieħ għal kull diviżjoni. Mhu se jkun hemm l-ebda promozzjoni u lanqas relegazzjoni fl-ebda diviżjoni.

Fi kliem il-President tal-FMA l-Perit Mark Borg, se jsir eżerċizzju għaqli biex l-iskeda tal-logħob ma jkollha l-ebda konflitt mal-logħbiet tat-tim nazzjonali tal-futsal u tal-futbol u lanqas mal-logħbiet tal-kampjonati tal-futbol.

Borg ħabbar ukoll li fl-aħħar ta’ Settembru t-tim nazzjonali tal-futsal se jkollu logħbiet internazzjonali ta’ ħbiberija, bi tħejjija għall-kwalifikazzjoni tal-kampjonati Ewropej, f’nofs ix-xahar ta’ Ottubru li ġej. Ta’ min jgħid li s’issa t-tim nazzjonali tal-futsal għadu bla kowċ wara l-post vakanti li ħalla Mark Marlow.

Intant il-kampjonat tal-futsal 2015/16 se jibda fil-bidu t’Ottubru b’waqfa ta’ ġimgħatejn għall-impenji tat-tim nazzjonali. Għad irid jiġi konfermat min se jieħu post Balzan, fil-finali tas-Super Cup kontra Luxol li huma r-rebbieħa tal-kampjonat li għadda. Dan wara li Balzan rebħu l-kompetizzjoni tan-Knock Out, iżda mhux se jieħdu sehem fl-istaġun li jmiss. Wisq probabbli li

tintlagħab playoff bejn Valletta u Ħamrun, li kienu s-semifinalisti l-oħra fil-playoffs tal-aħħar kampjonat.

Għall-istaġun li jmiss il-logħob kollu se jintlagħab fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin, b’żewġ logħbiet nhar ta’ Tnejn, t-Tlieta, l-Ħamis, il-Ġimgħa u s-Sibt.

Fl-aħħarnett dawk preżenti fil-laqgħa awguraw lil Luxol kull suċċess fil-UEFA Futsal Cup, f’Andorra, fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Luxol se jkunu parti minn Grupp B, flimkien mal-qawwa Taljana ta’ ASD Pescara, FC Encamp li se jkunu f’darhom u d-Daniżi ta’ JB Futsal Gentofte.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/ikkonfermati-t-timijiet-tal-futsal-ghall-istagun-201516/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.