- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Iffirmat Ftehim ta’ Nofs Miljun Ewro għall-Klabbs tal-Futbol Għawdxin

Posted By Sportinmalta On January 14, 2014 @ 1:01 pm In Featured,Football | No Comments

Iffirmat ftehim bejn il-Gvern u l-Gozo Football Association b’valur ta’ nofs miljun ewro. Il-Ftehim kien iffirmat illum mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Stefan Buontempo u l-President tal-Gozo Football Association, is-Sur Alvin Grech. Permezz ta’ dan il-ftehim se jsiru diversi xogħlijiet fi grawnds differenti madwar il-gżira Għawdxija u anke xogħlijiet fil-Gozo Stadium biex ikun jista’ jilqa’ l-kompetizzjoni tal-UEFA U17 f’Mejju li ġej.

Waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar tal-ftehim, is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li, “illum qed nassistu mhux biss għat-twettiq ta’ wegħda oħra mill-Manifest Elettorali, imma qed naraw l-ikbar investiment li qatt sar fil-Gżira Għawdxija f’dak li għandu x’jaqsam mal-qasam sportiv”. Huwa kompla jgħid li ma’ dan l-investiment, wieħed ma jridx jinsa li propju mill-bidu ta’ din is-sena, ġiet estiża wkoll l-iskema fejn atleti Għawdxin li jiġu jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet f’Malta,  jingħataw parti mill-ispejjeż li jkollhom joħorġu biex jinżlu Malta. Issa individwi, barra klabbs, huma eliġibbli wkoll li japplikaw taħt din l-iskema.

Dr Buontempo tenna li l-Gvern qed iwettaq il-wegħda tiegħu li jaħdem biex ma jkunx hemm differenza bejn iż-żewġ gżejjer fejn jidħlu faċilitajiet u opportunitajiet sportivi.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo saħaq li b’dan l-investiment, il-klabbs Għawdxin se jkunu jistgħu jattiraw klabbs barranin għal training camps f’Għawdex għax ser ikollhom faċilitajiet li jippermettu biex jiġi attirat turiżmu sportiv u għalhekk tkun qed tinħoloq attività ekonomika filwaqt li l-klabbs Għawdxin ikunu sostenibbli.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo saħaq kif grazzi għal dan il-ftehim il-klabbs Għawdxin ser jibbenefikaw mis-somma ta’ €500,000 sabiex itejbu l-infrastruttura tal-grawnds ġewwa Għawdex. Kull klabb u nursey ġewwa Għawdex ser ikollha faċilitajiet b’sigurtà u b’mod adegwat għat-taħriġ tagħhom.  L-Onor. Refalo semma’ kif minn din l-inizjattiva ser ikunu qegħdin igawdu wkoll id-dixxiplini tal-baseball, tar-rugby u tal-atletika peress illi dawn ser ikunu jistgħu jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet għat-taħriġ tagħhom. B’hekk id-dixxiplini sportivi kollha ġewwa Għawdex li jintlagħbu fuq barra fl-aħħar ser ikollhom dak li jixirqilhom.

L-Onor. Refalo u l-Onor. Buontempo saħqu kif huma jemmnu illi l-faċilitajiet tajbin flimkien ma’ kampanja edukattiva effettiva huma l-formula sabiex negħlbu l-problema tal-obeżità. Huma ħabbru kif il-Gozo Football Association ser tkun qed tiġi megħjuna b’diversi modi fosthom bir-riżorsi umani li tant għandha bżonn sabiex tkun tista topera b’mod tajjeb u effettiv.

Dan l-investiment huwa primarjament immirat kemm sabiex joffri l-aħjar faċilitajiet lil dawk illi diġà jiprattikaw l-isport iżda anke sabiex iħajjar aktar tfal u żgħażagħ jidħlu fid-dinja tal-isport.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/iffirmat-ftehim-ta-nofs-miljun-ewro-ghall-klabbs-tal-futbol-ghawdxin/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.