Iffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn l-MFA u l-FIGC

Friday, February 7, 2020, 8:24

Il-Malta Football Association iffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni mal-federazzjoni tal-futbol Taljana, l-FIGC, liema ftehim qed jiġi meqjus bħala timbru mportanti fir-relazzjoni pożittiva u li tmur lura diversi snin bejn iż-żewġ assoċjazzjonijiet.

Il-qsim ta’ ideat u għarfien fuq materji tekniċi u amministrattivi huma l-qofol ta’ dan il- Memorandum of Understanding li jinkorpora tajjeb fil-parametri kemm tal-FIFA u anke l-UEFA. Dan il-ftehim għandu l-għan li jiffaċilità l-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ assoċjazzjonijiet  nazzjonali permezz ta’ programmi ta’ skambju li jinvolvu uffiċjali, esperti tekniċi, kowċis, referees u plejers f’setturi varji, fosthom:

  •  kompetizzjonijiet organizzati mill-entitajiet rispettivi
  • inizjattivi tekniċi u edukattivi
  • bdil ta’ esperjenzi f’oqsma bħal dawk infrastrutturali u l-operat ta’ faċilitajiet sportivi,
  • proċeduri fl-organizazzjoni, xjenza u mediċina sportiva, b’enfasi partikolari fuq il-futbol.
  • futbol tan-nisa
  • futbol taż-żgħażagħ (youth football) u akkademji
  • futsal
  • futbol għal persuni b’diżabilità
  • uffiċjali tal-logħba (referees)

L-MOU ġie ffirmat fil-kwartieri tal-FIGC f’Ruma mill-President tal-MFA Bjorn Vassallo u s- Segretarju Ġenerali Dr Angelo Chetcuti, flimkien ma’ Gabriele Gravina u Marco Brunelli, rispettivament President u Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Taljana. Preżenti għaċ- ċerimonja u l-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm ukoll il-President tal-Lega Pro Francesco Ghirelli.

Dan il-ftehim jagħti l-possibiltà lill-ħaddiema tal-MFA u persuni nvoluti fil-futbol Malti jkunu parti minn programm ta’ skambju biex itejbu l-għarfien tagħhom, jingħataw korsijiet u jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-FIGC f’Ruma, iżda fuq kollox miċ-Ċentru Tekniku f’Coverciano. Bl-istess mod ħaddiema u rappreżentanti tal-FIGC se jkunu qed jingħataw l-istess opportunitajiet u jkunu parti minn inizjattivi organizzati mill-MFA.

Iż-żewġ naħat se jkunu wkoll qed iniedu konsultazzjoni dwar temi speċifiċi fosthom ir-relazzjonijiet internazzjonali, partikolarment fi ħdan il-FIFA.





Leave a comment