Id-dsatax l-edizzjoni tal-ENAS organizzata f’Malta

Thursday, November 17, 2016, 21:11

Gavin Muscat

F’pajjiżna bħalissa għaddejja d-dsatax-il edizzjoni tal-Forum u Assemblea tal-ENAS (European Network of Academic Sport Services), ospitata minn SportMalta u l-Malta University Sports Club (MUSC). Din l-attività bit-tema Leadership in Sport – Building a Brighter Future, ġabet f’pajjiżna 178 delegat minn madwar id-dinja, li b’kollox jirrappreżentaw 22 pajjiż u 172 università.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius irrefera għall-ħidma tal-Gvern u n-numru ta’ inċentivi biex aktar żgħażagħ u adulti jkomplu jistudjaw, speċjalment fil-qasam sportiv. Semma l-iskema tal-isport scholarships u s-sena sabbatical li jistgħu jieħdu l-għalliema, anke dawk li jgħallmu l-isport. Barra minn hekk insista dwar il-ħidma li qed issir fil-qasam politiku sportiv, u semma l-liġi tal-kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi, kif ukoll il-politika nazzjonali tal-isport li se tiġi mnedija għall-konsultazzjoni fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li din il-konferenza, flimkien ma’ attivitajiet oħra ta’ żmien il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea, se ġġib f’pajjiżna aktar minn 1,000 delegat li jaħdmu u jimmilitaw fix-xena sportiva. Dan juri li Malta, anke jekk ċkejkna, se tkun strumentali għall-politika Ewropea u dinjija fl-isport fix-xhur li ġejjin. Is-Sur Cutajar appella lil dawk preżenti sabiex japprofittaw minn dawn il-jiem li se jkunu f’pajjiżna biex flimkien nagħmlu impatt fl-isport.

Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil iddeskriva l-ħidma ta’ SportMalta biex is-soċjetà Maltija tkun aktar attiva fiżikament.

Michelle Tanner, il-President ta’ ENAS, qalet li l-prijorità għal ENAS hi li, primarjament, ikun hemm network fis-settur sportiv tal-universitajiet fl-Ewropa. ENAS torganizza attivitajiet sabiex isir bdil ta’ prattiċi tajba li eventwalment itejbu s-servizzi li jipprovdu, speċjalment lill-istudenti.

Fost dawk preżenti attendiet Paola Ottonello mill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll Adrian Feller mill-UEFA. Id-dsatax-il edizzjoni tal-Forum u Assemblea ta’ ENAS tiġi fi tmiemha nhar il-Ġimgħa, 11 ta’ Novembru.





Leave a comment