Id-disa’ suċċess għal Caffè Moak Luxol

Monday, February 27, 2017, 17:42

St. James Hospital Knockout – Nisa – FINALI 

minn Colin Schembri

Caffè Moak Luxol 57

Gżira Athleta 53

(14-10)(21-22)(8-12)(14-9)

Ic-champions Caffè Moak Luxol għelbu lil Gżira Athleta 57-53 fil-finali tas-St. James Hospital Knock-out biex kisbu d-disa’ suċċess tagħhom f’din il-kompetizzjoni u t-tielet unur tal-istaġun. Kif juri l-iskor, il-partita kienet waħda fejn id-difiżi fuq iż-żewġ naħat spikkaw fuq l-attakki rispettivi. Fil-fatt għal ħafna ħin qatt ma kien hemm distakk akbar minn sitt punti bejn iż-żewġ timijiet. L-Amerikana ta’ Luxol Attirah Munir kellha possibilment l-aħjar partita tagħha f’pajjiżna u Sarah Pace li ġiet ivvutata bħala l-MVP tal-partita kont issibha kullimkien tul il-partita kollha. Fl-ewwel ħinijiet iż-żewġ timijiet irrispondew lil xulxin bil-vantaġġ idur fuq kull naħa. Luxol kellhom run ta’ 8-0 bi trippla ta’ Steffi De Martino u fetħu vantaġġ ta’ 4 punti fi tmiem l-ewwel sessjoni 14-10. Fit-tieni perjodu, Athleta fetħu b’żewġ three pointers ta’ Christina Grima li wkoll kellha partita tajba għalkemm dehret inqas wara li kkomettiet ir-raba’ foul. Athleta ħadu l-vantaġġ wara trippla ta’ Milica Stefanovic però Luxol kellhom il-punti ta’ Pace, Munir flimkien ma’ Mandi Mercieca u Ina Medina u reġgħu ħadu l-vantaġġ li żammew sal-intervall 35-32.

Fit-tielet taqsima l-punti naqsu fuq iż-żewġ naħat. Wara li Munir kabbret il-vantaġġ ta’ Luxol, Athleta reġgħu marru fuq quddiem wara żewġ three pointers minn Beverlee Zammit. Huma rnexxielhom iżommu l-vantaġġ sa’ tmiem is-sessjoni 44-43. Fl-aħħar taqsima, Munir u De Martino kienu protagonisti f’run deċisiva ta’ 10-2 minn Luxol li fetħu l-akbar vantaġġ fil-partita 53-46. Athleta kellhom il-punti minn Stefanovic u Amelia Simmons però Luxol żammew sod immexxija b’mod abbli minn fuq il-bank minn Santino Coppa biex rebħu l-partita u t-tazza 57-53. Fi tmiem il-partita, is-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat ippreżenta l-unur tal-MVP tal-finali lil Sarah Pace u t-trofew tan-Knock Out lil captain ta’ Luxol Steffi De Martino fost il-ferħ tal-players u coaches u l-partitarji ta’ Luxol.

Caffè Moak Luxol: S. Pace 10, M. Mercieca 7, A. Munir 20, I. Baena Medina 7, N. Vella, S. De Martino 10,  K. Portelli, C. Sollami, P. Ellul, L. Caruana Montaldo, M. Darmanin, C. Curmi 3.

Gżira Athleta: M. Stefanovic 8, C. Grima 18, B. Zammit 6, S. Pisani, L. Sciberras 4, A. Simmons 17, D. Said Hollier, A. Borg, J. Schembri, S. Vella, C. Mifsud.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic.





Leave a comment