Id-Daniżi rebħu iżda…

Saturday, September 7, 2013, 8:49

Minn Robert Busuttil


Malta………1

Danimarka..2


Kien hemm żmien meta konna nitilqu mill-Istejdjum Nazzjonali f’Ta’ Qali ferħanin u sodisfatti li nkunu tlifna bi skor ristrett ta’ 2-1 kontra xi ġganti tal-futbol Ewropew. Niftakru l-logħba Malta-Italja (1-2) tal-1992 jew il-famuża telfa ta’ 3-2 fi snin tmenin kontra l-Ġermanja, biex insemmu xi eżempji.

Iżda llum il-ġurnata titlef 2-1 kontra d-Danimarka u tħossok iddiżappuntat għar-riżultat wara logħba li tkun daqs jekk mhux aħjar mill-avversarji hija xi ħaġa li qed narawha ta’ spiss. Il-pubbliku Malti li attenda għal din il-partita ħassu xxurtjat li ra t-tim nazzjonali ta’ pajjiżna jżomm saqajh mal-art u jikkalma wara gowl bikri u jagħmel l-almu tiegħu sabiex iġib il-gowl tad-dro. Dan huwa t-tim nazzjonali Malti li mhux qed jibża mill-avversarju u li logħba wara logħba qed jitjieb bħall-inbid.

Il-kowċ Pietro Ghedin, bi problemi fid-dipartiment tad-difiża, fin-nuqqas ta Luke Dimech u Alex Muscat, it-tnejn sospiżi, kellu jivvinta difiża magħmula minn Ryan Camilleri u Andrei Agius, b’Roderick Briffa u Clayton Failla jgħinu mal-linja.

Fin-nofs il-kowċ tat-tim Malti poġġa lil John Mintoff, Edward Herrera u Andre Schembri b’Rowen Muscat u Gareth Sciberras jagħtuhom daqqa t’id.  Quddiem is-solitu mutur fl-attakk, Michael Mifsud li bil-ġiri u l-veloċita tiegħu kellu jniggeż lid-difiża Daniża.

U proprju qed nitkellmu fuq id-Daniżi, li f’din l-edizzjoni tal-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja qed ikunu d-dell ta’ dak it-tim li kważi dejjem għamilha għal fażi finali ta’ turnament ta’ prestiġju. Huma kienu għadhom ġejjin minn umiljazzjoni storika meta tilfu f’darhom kontra l-Armenja 4-0. Għalhekk kellhom jagħtu risposta lill-kritiċi Daniżi b’din il-partita. Ċertament li nhar it-Tlieta li ġej il-konfront tagħhom kontra l-Armenja forsi jfisser l-aħħar ċans li jistgħu jisperaw minn kwalifikazzjoni miraklu.

Id-Danimarka ma setax kellha bidu tal-ħolm meta wara biss 89 sekonda rnexxielhom jiftħu l-iskor. Martin Braithwaite għadda tajjeb lejn LEON ANDERSEN li b’xutt fil-baxx għeleb lil Haber sabiex ħasad lit-tim ta’ Ghedin u kessaħ lill-pubbliku Malti preżenti f’Ta’ Qali.

Kulħadd beda jaħseb li ġejja xi goleada Daniża, il-moħħ ‘l hemm kien qed iberren f’moħħ il-partitarji Maltin. Iżda le, ma kellux ikun il-każ.

Fil-fatt wara li fl-10 minuta Braithwaite tefa’ barra minn daqqa ta’ ras, fis-17 –il minuta wasal l-ewwel periklu serju tal-Maltin lejn il-lasti Daniżi. Wara li Jakobsen ikklerja ħażin, approfitta ferm tajjeb Andre Schembri li ra x-xutt angulat tiegħu salvat mill-gowler Andersen.

Hawn il-Maltin bdew jieħdu l-kunfidenza sabiex it-tandem Andre Schembri-Michael Mifsud f’żewġ ċansijiet konsekuttivi reġgħu raw l-aħjar tal-gowler Daniż li salva b’diffikulta.

Dan kien il-preludju għall-gowl Malti. Kien frikik mogħti ferm tajjeb mill-plejer ta’ Hibernians, CLAYTON FAILLA li tefa’ fir-rokna tax-xibka u għeleb lil Andersen li ma seta’ jagħmel xejn. Dwiet mas-smewwiet l-għajta ta’ gowl u kien ġustifikat il-ferħ tal-plejer Pawlist li għamel gowl tal-istampi.

Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima Michael Mifsud daħal fil-kaxxa u b’xutt b’saħħtu tefa’ għoli.

Kif bdiet it-tieni taqsima rajna għal darb’oħra lil Malta perikoluża. Kellna kross ta’ Roderick Briffa u d-daqqa ta’ ras ta’ Michael Mifsud taħbat mal-lasta. Sfortuna kbira!

Iżda ikbar kienet l-isfortuna sitt minuti wara meta d-Daniżi rnexxielhom jiskorjaw il-gowl tar-rebħa. Ġirja tajba ta’ Christian Eriksen ħalliet fil-post żewġ plejers Maltin, l-istess plejer ġibed għan-nofs u b’xutt tajjeb jolqot il-lasta. Mir-ribawnd il-ballun bi sfortuna kbira jaħbat ma’ dahar Ryan Camilleri bil-ballun jispiċċa fix-xibka għall-awtogowl klassiku.

Fis-57 minuta, Justin Haber ġie msejjaħ fl-azzjoni meta rnexxielu jilqa’ xutt ta’ Krohn-Dehli filwaqt li fis-67 minuta Michael Mifsud għadda tajjeb lill-avversarju tiegħu u x-xutt bomba tiegħu spiċċa barra.

Il-kumplament tal-partita kienet fażi ta’ kontroll għad-Daniżi li ppruvaw irażżnu lill-Maltin milli jġibu l-gowl tad-dro sabiex marru lura f’pajjiżhom bi tliet punti prezzjużi li jtuhom xaqq dawl lejn kwalifikazzjoni miraklu għal Brazil 2014. Ċertament li l-kowċ leġġendarju Daniż Morten Olsen irid jivvinta sistema aktar effettiva sabiex il-wirja tkun verament denja għat-tim tiegħu.

Min-naħa l-oħra, unur għal Malta li baqgħet temmen fir-riżultat, ma qatgħetx qalbha u tat wirja ferm pożittiva li tkompli ssaħħaħ il-fehma tal-pubbliku Malti li minn logħba għall-oħra qed jara progress kbir.





Leave a comment