Ic-champions Virtus jibdew bir-rebħ…jerbħu wkoll Athleta u Floriana

Tuesday, November 24, 2015, 16:58

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA – IRĠIEL

Pavi Depiro 51

Gżira Athleta 60

(11-9)(12-17)(13-18)(15-16)

Gżira Athleta bdew l-impenji tagħhom fil-kampjonat b’rebħa fuq Pavi Depiro 60-51 minkejja li ppreżentaw skwadra bi players Maltin biss. Fil-fatt jidher li l-Amerikan Mo Briggs mar lura pajjiżu fil-waqt li l-Olandiż Daan Wiersum kien indispost. Depiro rkupraw lil Darryl Schembri però reġa’ kien nieqes Timothy Zammit u għadu barra wkoll Kurt Xuereb. Depiro bdew il-partita bi trippla ta’ Andrew Aquilina bl-Athleta jirrispondu fir-raba’ minuta bl-ewwel punti tagħhom minn Adrian Micallef u Billy Zammit. Depiro kellhom run ta’ 8-0 bi tlett baskets tal-Amerikan Michael Nwelue għal skor ta’ 11-4 però Athleta kellhom ħames punti oħra biex Depiro temmew it-taqsima 11-9 minn fuq. Fil-ftuħ tat-tieni perjodu, Athleta marru minn fuq bil-punti ta’ Michael Naudi u għalkemm Depiro reġgħu ħadu l-vantaġġ b’żewġ baskets ta’ Malcolm Mallia, Athleta komplew b’sitt punti oħra. Nwelue rrisponda għal Depiro bl-Athleta jkollhom trippla minn Roderick Vella u daħlu jistrieħu 26-23 minn fuq.

Wara l-intervall, Athleta żiedu l-vantaġġ b’sitt punti oħra bir-risposta ta’ Depiro tasal b’żewġ baskets minn Nwelue. Athleta però baqgħu fil-kontroll tal-partita meta għamlu run oħra ta’ 12-3 bil-punti ta’ Naudi u Nicolai Lubrano biex għalqu s-sessjoni 44-36 minn fuq. Fl-aħħar perjodu, Athleta dehru li se jagħlqu l-partita hekk kif bdew bi break ieħor ta’ 11-2 b’disa’ punti minn Naudi u basket ta’ Ivan Buldakov. Hawn però Depiro kellhom risposta bi break ta’ 13-0 b’baskets minn Nwelue u Daniel Farrugia u waslu sa’ 4 punti ‘l bogħod 51-55. Athleta kellhom basket minn Lubrano u trippla minn Billy Zammit li serrħulhom rashom mir-riżultat.

Pavi Depiro: J. Attard, D. Farrugia 6, M. Agius, D. Schembri 5, A. Aquilina 3, N. Grech 6, J. Camilleri,  M. Mallia 4, V. Vlachos, M. Borg, M. Nwelue 27.

Gżira Athleta: M. Naudi 24, R. Vella 12, F. Mifsud Bonnici, I. Buldakov 2, B. Zammit 5, A. Micallef 3, N. Lubrano 12, S. Vincic, J. Wait, M. G. Montaldo 2.

Referees: Alfred Carbonaro, Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Falken Cynergi Virtus 82

Hibernians 56

(21-18)(22-13)(18-11)(21-14)

Ic-champions Falken Cynergi Virtus bdew id-difiża tat-titlu li rebħu l-istaġun li għadda b’rebħa fuq Hibernians 82-56. Virtus kellhom nieqsa lil David Bugeja mweġġa’ u Peter Shoults sospiż fil-waqt li għal Hibs kien sospiż Ryan Carabott. Hibs żammew il-pass mal-avversarji speċjalment fl-ewwel sessjoni però mal-ħin Virtus bdew jinqatgħu fuq quddiem. Virtus fetħu l-partita bi 8 punti mingħajr risposta bi trippla ta’ Shawn Pace. Hibs bil-mod bdew jidħlu fil-partita u kellhom run ta’ 14-6 bi three pointers minn Kieron Caruana u Simon Attard u ppareġjaw il-partita. Virtus reġgħu ħadu l-vantaġġ b’punti minn Jacob Formosa u Chris Santo u temmew it-taqsima 21-18 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Virtus bdew b’aktar punti minn Santo u trippla ta’ Robert Bonnici. Bonnici kompla b’żewġ three pointers oħra u l-vantaġġ ta’ Virtus kiber għal 13 –il punt 39-26. Hibs kellhom il-punti ta’ Attard u Marco Matijevic iżda kienu Virtus li kellhom l-aħħar punti tas-sessjoni minn Santo għal skor ta’ 43-31.

Fit-tielet taqsima, Virtus fetħu b’aktar three pointers din id-darba minn Shawn Pace. Għalkemm Hibs kellhom reazzjoni, Santo u Bonnici bi trippla oħra żiedu l-vantaġġ għal Virtus 61-42. Fl-aħħar sessjoni il-coaches taw spazju lil players ta’ fuq il-bank tagħhom però Virtus xorta żiedu l-vantaġġ hekk kif kellhom il-punti ta’ Anthony Schembri u Alec Felice Pace fost l-oħrajn. Paul Attard kellhu trippla għal Hibs qabel ma Thomas Grech u Saviour Bonnici kisbu l-aħħar punti ta’ Virtus. Il-logħba ntemmet bi trippla ta’ Ryan Cortis għal Hibs biex Virtus rebħu l-partita 72-56.

Falken Cynergi Virtus: S. Pace 11, R. Bonnici 19, D. Camilleri 4, S. Bonnici 2, J. Formosa 12, A. Felice Pace 4, C. Santo 20, A, Schembri 2,  F. Bartolo, T. Grech 8.

Hibs: P. Attard 3, M. Houmpton, G. Agius, L. Farrugia 10, S. Attard 12, I. Bonett 4, K. Caruana 9, R. Cortis 3, K. Sultana, S. Vella 2, F. Mariani 4, M. Matijevic 9.

Referees: Emanuel Mangani, Teemu Helenius, Chrisine Farrugia.

Floriana Cafè Del Mar 77

 

Bupa Luxol 57

(16-20)(22-17)(25-16)(14-4)

Il-partita li għalqet l-ewwel ġurnata tal-kampjonat kienet bejn Floriana Cafè Del Mar u Bupa Luxol, ġimgħa wara li l-istess żewġ timijiet iltaqgħu fil-preliminari tan-Knock out. Għal darb’oħra Floriana ħarġu rebbieħa u din id-darba b’distakk akbar hekk kif kisbu rebħa b’20 punt 77-57. Floriana ħadu l-ewwel vantaġġ wara baskets minn Nikola Vasovic madankollu Luxol wieġbu permezz ta’ Marco Mercieca, Colt Fason u CJ Cordina. Andrew Micallef Trigona daħal minn fuq il-bank u kellhu żewġ baskets konsekuttivi għal Floriana li kellhom ukoll trippla ta’ Lee Ross. Luxol marru fuq quddiem għal darb’oħra wara run ta’ 7-0 inkluż trippla ta’ Mercieca biex għalqu s-sessjoni fuq quddiem 20-16. Cordina fetaħ it-tieni perjodu b’żewġ baskets għal Luxol. Floriana wieġbu bi break ta’ 9-2 b’Ross jagħmel it-tieni trippla tiegħu. Fason ukoll kellu trippla għal Luxol qabel Nigel Sultana għamel l-iskor indaqs 29-29. Luxol ħadu l-vantaġġ għal darb’oħra bi three pointers ta’ JP Schembri u Fason iżda Floriana kisbu l-aħħar 7 punti bi trippla ta’ Patus u marru fuq quddiem 38-37 għall-intervall.

Fit-tielet sessjoni, għal darbtejn ħadu l-vantaġġ b’aktar punti minn Mercieca u Fason. Floriana mbagħad għamlu run qawwija ta’ 18-5 fejn kellhom żewġ trippli minn Patus flimkien ma’ Ross u Micallef Trigona. Floriana kellhom vantaġġ ta’ 10 punti fl-aħħar sessjoni 63-53 u malajr kabbru l-vantaġġ hekk kif fetħu b’sitt punti konsekuttivi b’żewġ baskets ta’ Abraham Portelli flmkien ma’ Ross fl-ewwel ftit minuti. Luxol kellhom diffikulta biex jagħmlu l-punti hekk kif kellhom biss żewġ baskets minn Schembri u Cordina. Floriana kkontrollaw l-aħħar minuti tal-logħba kif kellhom aktar punti minn Axiaq u Vasovic għal skor finali ta’ 77-57.

Floriana Cafè Del Mar: C. Patus 21, D. Borg, L. Ross 12, N. Sultana 8, S. Borg, A. Portelli 4, N. Vasovic 14, C. Calleja, A. Axiaq 7, A. Micallef Trigona 11, O. Shamala, N. Andrejevic.

Bupa Luxol: CJ Cordina 8, C. Fason 18, J. Willoughby 2, S. Visser, W. Ahlberg, J.P. Schembri 7, K. Dimech, T. Paris, M. Mercieca 22, J. Maistre, J.P. Bonnici.

Referees: Gordon Barbara, Alfred Carbonaro, Teemu Helenius.





Leave a comment