Ic-Champions ma jċedux u jisfurzaw il-ħames partita

Monday, April 22, 2013, 17:23

KAMPJONAT BANK OF VALLETTA IRĠIEL – FINALI

minn Colin Schembri

A to Z Electronics Athleta 91

Floriana Francesco Fenech 82

(27-25)(16-11)(29-18)(29-28)

Quddiem l-akbar folla tal-istaġun, ic-champions A to Z Electronics Athleta żammew ħajjin it-tamiet tagħhom li għat-tielet sena konsekuttiva jerbħu l-kampjonat tal-ewwel diviżjoni tal-irġiel. Huma għamlu dan wara li fir-raba’ semifinali tal-play-offs għelbu lil Floriana Francesco Fenech 91-82. Athleta kellhom wirja verament tajba speċjalment taħt il-boards fejn is-Serb Marko Todorovic u Michael Naudi kienu dominanti fuq Matt Glass u Dirk Schembri. Floriana tilfu lil Chris Sammut b’injury fit-tielet sessjoni u għal xi waqtiet irrikorrew għal logħob individwali li ma ħalla l-ebda frott. Issa kollox irid jiġi deċiż fl-aħħar partita…40 minuta li jridu jiddeċiedu staġun sħiħ. Kif mistenni, l-partita bdiet biż-żewġ timijiet viċin xulxin tant li l-ebda team ma rnexxielhu jibni xi vantaġġ fl-ewwel ħinijiet. Athleta bdew il-partita b’basket minn Todorovic bi Floriana jwieġbu bil-punti ta’ Glass. Trippla ta’ Naudi reġgħet poġġiet lil Athleta minn fuq però Floriana baqgħu iżommu l-vantaġġ wara l-freethrows ta’ Bevan Scott u Glass. Żewġ baskets konsekuttivi minn Scott poġġew lil Floriana 14-11 minn fuq b’Todorivic ikompli jwieġeb għac-champions. Hawn Athleta kellhom trippla minn Kristin Baldacchino flimkien ma’ basket ta’ Naudi però Scott malajr wieġeb għal Floriana biex reġa tahom il-vantaġġ. Sa’ tmiem il-perjodu Athleta reġgħu dawwru l-iskor bi freethrows ta’ Shawn Pace u punti minn Naudi u minkejja li Ian Mercieca kellhu three pointer għal Floriana, Athleta spiċċaw it-taqsima 27-25 minn fuq. Fit-tieni perjodu l-punti naqsu xi ftit fuq iż-żewġ naħat. Floriana ġabu l-iskor indaqs bil-punti mil-linja ta’ Sammut u marru minn fuq b’baskets ta’ Scott u Glass. Athleta wieġbu permezz ta’ Baldacchino, Naudi, Todorvic u Omar Said f’run ta’ 11-3 biex sal-intervall fetħu vantaġġ ta’ 7 punti 43-36.

Wara l-mistrieħ Steve Schembri beda bi trippla għac-champions biex għall-ewwel darba kellhom vantaġġ b’figuri doppji 46-36. Floriana rkupraw grazzi għal Scott u Glass però kellhom isofru l-insistenza tac-champions li kellhom mument mill-aqwa u għamlu run ta’ 10-0 b’żewġ three pointers minn David Bugeja u fir-raba’ minuta fetħu vantaġġ ta’ 17 –il punt 60-43. Floriana bdew isibuha diffiċli li jippenetraw fiż-żona avversarja u s-shooting minn barra ma bediex irendi u dan ħalla lil Athleta iktar komdi u jkabbru l-vantaġġ għal 21 punt 72-51. Is-sessjoni ntemmet bil-punti ta’ Dirk Schembri u Glass għal Floriana però Athleta xorta kellhom vantaġġ komdu għar-raba’ taqsima 72-54. Fl-aħħar sessjoni Floriana tħabtu biex jerġgħu jidħlu lura fil-partita. Wara li sofrew basket minn Todorovic, huma għamlu seba’ punti mingħajr risposta bil-coach Joe Galea kostrett isejjaħ time-out għall-Athleta. Trippla ta’ Said u basket minn Todorovic reġgħu kabbru l-vantaġġ għac-champions 79-61 però Floriana għaqqdu break ieħor ta’ 10-2 biex naqqsu d-distakk ghal 10 punti 71-81 fit-tmien minuta. Minkejja li fl-aħħar ħinijiet Athleta ma kienux preċiżi minn fuq il-freethrow line, il-ħin kien favur tagħhom u setgħu jikkontrollaw il-partita sat-tmiem biex ħarġu rebbieħa 91-82 u sfurzaw il-ħames u l-aħħar partita.

A to Z Electronics Athleta: M. Naudi  14, S. Hagul, D. Bugeja 10, M. Todorovic 32,  M. Giusti, O. Said 13, S. Pace 4, W. Spiteri, K. Baldacchino 7, S. Bischoff , S. Schembri 11.

Floriana Francesco Fenech: A. Baldacchino 2, B. Scott Camilleri 17, D. Camilleri 7, M. Glass 28, C. Sammut 9, I. Mercieca 4, C. Calleja 2, D. Schembri 11, M. Ciantar, S. Saakian 2.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Emanuel Mangani

Statistika…

Athleta

Free throws – 23 on 36

Baskets – 25 on 54

Three pointers – 6 on 16

Rebounds – 53

Assists – 8

Turnovers – 16

Steals – 15

Fouls Suffered – 32

Fouls Made – 22

Floriana

Free throws – 20 on 31

Baskets – 25 on 53

Three pointers – 4 on 18

Rebounds – 40

Assists – 6

Turnovers – 14

Steals – 11

Fouls Suffered – 22

Fouls Made – 32





Leave a comment