Ic-champions Luxol jibdew bir-rebħ

Thursday, October 4, 2012, 8:44

minn Colin Schembri

ST. JAMES HOSPITAL PRE-SEASON TOURNAMENT – NISA

Luxol Winners

Luxol Winners

L-ewwel edizzjoni tas-St. James Hospital pre-season tournament tan-nisa fetħet l-istaġun fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet u kienu Luxol li finalment rebħu dan l-unur biex bdew l-istaġun fuq nota posittiva ftit xhur wara li rebħu l-kampjonat. Għal din il-kompetizzjoni it-timijiet ippreżentaw għall-ewwel darba l-players barranin tagħhom fejn Luxol, Loyola u Depiro għandhom player Amerikana ġdida. Dawn huma Mollie Williams, Brietta Thomas u Letisha Belcher rispettivament. Il-players barranin ta’ Hibs u Phoenix ma waslux fil-ħin għal din il-kompetizzjoni fil-waqt li Athleta kkonfermaw il-player Pollakka Aleksandra Ratomska u Starlites għandhom players Maltin biss. Huma tnejn il-coaches ġodda għal dan l-istaġun – Alex Farrugia ta’ Loyola u Lawrence Deguara ta’ Starlites.

 

Fl-ewwel ġurnata ntlagħbet il-fażi preliminari fejn is-seba’ timijiet kienu mqassma f’żewġ gruppi. Fi Grupp 1 kien hemm Luxol, Loyola, Athleta u Phoenix fil-waqt li fi Grupp B kien hemm Depiro, Hibs u Starlites. Il-partiti ntlagħbu b’żewġ sessjonijiet ta’ 20 minuta l-waħda mingħajr waqfien. Ir-riżultati kollha tal-ewwel fażi kienu dawn:

 

Luxol 35 Alyssa Ashley Loyola 46

Honey Athleta 48 Phoenix Petrus Pizza Qormi 33

Mc Donalds Depiro 50 Hibs 44

Honey Athleta 44 Luxol 51

Alyssa Ashley Loyola 47 Phoenix Petrus Pizza Qormi 23

Starlites 22 Mc Donalds Depiro 24

Phoenix Petrus Pizza Qormi 13 Luxol 58

Honey Athleta 38 Alyssa Ashley Loyola 49

Hibs 43 Starlites 35

 

It-tieni fażi bdiet bil-partita għal-ħames u s-sitt post bejn Athleta u Starlites bl-Athleta joħorġu rebbieħa 44-28. Wara din il-partita saru ż-żewġ semifinali li kienu missielta u bl-ewwel waħda bejn Loyola u Hibs tkun ta’ skor għoli. Loyola rebħu l-partita 72-51 wara li fetħu b’mod qawwi fl-ewwel parti tal-logħba fejn saħansitra fetħu vantaġġ ta’ 25 punt. Fit-tieni semifinali kienu Luxol li għelbu lil Depiro b’distakk ta’ punt 40-39. Wara li Depiro kellhom vantaġġ tajjeb fi tmiem l-ewwel taqsima, Luxol ġew lura wara l-intervall u rebħu l-partita. Depiro kellhom jikkuntentaw bit-tielet post wara li fil-partita għat-tielet u r-raba’ post, għelbu lil Hibs 47-36.

 

Fil-finali bejn Loyola u Luxol li ntlagħbet b’erba’ sessjonijiet ta’ 10 minuti ‘l waħda, kienu Luxol li ħarġu rebbieħa 77-62 f’partita kkontrollata minn Gordon Barbara, Emanuel Mangani u Alfred Carbonaro. Fl-ewwel sessjoni l-ebda team ma rnexxielu jieħu xi vantaġġ sostanzjali tant li Luxol temmewha punt minn fuq 21-20. Loyola marru minn fuq fit-tieni sessjoni bil-punti ta’ Thomas flmkien ma Justine Mangion u Christina Grima. Mandi Sciortino u Williams wieġbu għal Luxol pero’ Loyola daħlu jistrieħu 40-34 minn fuq. Luxol naqqsu d-distakk sa’ nofs it-tielet sessjoni 42-44 bil-Loyola jerġgħu ikabbru d-distakk sal-għaxar minuta. Hawn Luxol għamlu break ta’ 6-0 biex naqqsu d-distakk għal punt 52-51. Luxol marru fuq quddiem fl-aħħar sessjoni u wara li ħadu l-vantaġġ fir-raba’ minuta 55-54, qatt ma reġgħu kienu minn taħt u fetħu vantaġġ ta’ 9 punti sad-disa’ minuta 69-60 u baqgħu sejrin biex rebħu l-partita 77-62. Fi tmiem il-partita Maria Bugeja direttriċi ta’ Saint James Hospital ppreżentat it-trofew lil Mandi Sciortino, captain ta’ Luxol.

 

 





Leave a comment