Ic-champions jibdew b’rebħa kbira

Monday, November 19, 2018, 18:32

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 81

Starlites GIG 93

(19-17)(17-22)(22-29)(23-25)

Starlites GIG għamluhom żewġ rebħiet fil-kampjonat meta għelbu lil Gżira Athleta 93-81 fl-ewwel partita uffiċjali tal-Athleta mingħajr l-istilla Micheal Naudi li propju jumejn qabel ħabbar li kien qiegħed jirtira mil-logħba b’mod immedjat. Ftit hemm xi tgħid iżjed dwar il-karriera glorjuża ta’ Naudi fejn biss biss huwa rebaħ l-unur tal-player tas-sena sitt darbiet u l-unur tal-player tax-xahar sittax –il darba. Dan minbarra numru kbir ta’ tazzi mat-team tal-Athleta u preżenza qawwija fit-team nazzjonali. Lura għal partita, it-team tal-Athleta rkupraw lil Peter Shoults u l-Amerikan Carson Shanks seta jagħmel id-debutt tiegħhu fil-waqt li t-team ta’ Starlites kellhom bidla waħda fejn Mirco Azzopardi ħa post Owen Psaila. Starlites fetħu tajjeb u marru 12-4 minn fuq wara l-ewwel minuti. Iż-żewġ timijiet kellhom trippla kull wieħed minn Alec Felice Pace u Vincent Pace u punti tal-istess player flimkien ma’ Shanks, raw lil Athleta jtemmu t-taqsima basket minn fuq 19-17. Fit-tieni perjodu l-logħob kien maqsum fejn Athleta kellhom trippla oħra ta’ Pace bi Starlites iwieġbu permezz tal-punti minn Joe Tagaralli, Jordan Stotts u Felice Pace. Għal darbtejn it-team tal-Athleta reġgħu marru fuq quddiem qabel ma Starlites għamlu run ta’ 9-2 biex marru fuq quddiem 35-30. Atheta rkupraw iżda lejn it-tmiem sofrew sensiela ta’ free-throws kontrijhom li raw lil Starlites jidħlu jistrieħu 39-36 minn fuq.

Wara l-intervall, Athleta reġgħu bdew bil-punti ta’ Matthew Gouder, Kwame Thompson u trippla ta’ Pace biex marru fuq quddiem 45-43.  Hawn reġgħu kienu Starlites li permezz tal-punti kontinwi ta’ Tagarelli flimkien ma’ Cameron Ward u Robert Bonnici li marru fuq quddiem u mill-ġdid temmew is-sessjoni minn fuq 68-58. Fl-aħħar perjodu, Athleta tilfu lil Shanks bil-ħames foul però xorta naqqsu d-distakk għal darb’oħra 69-75. Hawn Starlites għamlu l-aħħar run qawwija ta’ 16-4 fosthom trippla ta’ Felice Pace u l-punti ta’ Tagarelli biex inqatgħu fuq quddiem u rebħu l-partita 93-81.

Gżira Athleta: M. Gauchi Montaldo, P. Shoults L. Stefanovic, A. Perunicic 7, N. Xuereb 6, M. Gouder 6, K. Thompson 22, V. Pace 32, I. Mitrovic, C. Shanks 8.

 

Starlites Gig: M. Azzopardi, N. Formosa 2, R. Bonnici 2, I. Felice Pace, C. Ward 8, M. Falzon, A. Felice Pace 17, R. Carabott, M. Scerri, A. Sears 10, J. Tagarelli 33, J. Scotts 21.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Kamil Dvorniczak, Malek Hraisha.

Depiro 82

Bupa Luxol 95

(18-19)(19-24)(25-29)(20-23)

Bupa Luxol ukoll kisbu t-tieni rebħa tal-kampjonat meta għelbu lil Depiro 95-82

Ritratt: Wally Galea

fejn għal ħin twil iż-żewġ timijiet kienu viċin xulxin. Depiro kienu mingħajr Ethan Briffa u Matthew Borg u Luxol kellhom nieqsa lil Keith Dimech, Marco Mercieca u Dirk Schembri. Partita mill-aqwa tal-Iżvediż William Ahlberg li mexxa lit-team tul il-partita kollha fejn spiċċa wkoll b’34 punt fil-waqt lil għal Depiro Jack Nygaard kien magħsses sew u ftit seta’ jkun effettiv għalkemm Trent Steen kellhu l-wirja solita tiegħhu. Stefan Cappello wkoll kellhu wirja tajba speċjalment taħt il-boards fejn kellhu diversi rebounds wara ismhu.  Il-partita kellha bidu bilanċjat u wara trippla fuq kull naħa, Luxol fetħu vantaġġ żgħir ta’ 8-5. Depiro wieġbu permezz ta’ Keshaun Hamilton u Adam Chomo fost l-oħrajn biex marru fuq quddiem iżda kienu Luxol li temmew it-taqsima bl-aħjar mod meta għamlu run ta’ 9-2 għal skor ta’ 19-18. Fit-tieni perjodu, Depiro marru fuq quddiem wara punti minn Steen. Luxol irrispondew bit-three pointers ta’ Vukassin Jandric u Jean Paul Schembri u minkejja li Depiro kellhom ukoll żewġ trippli minn Steen u Nygaard, Luxol daħlu jistrieħu sitta minn fuq 43-37.

Fit-tielet sessjoni Depiro reġgħu naqqsu d-distakk għal basket b’aktar punti tat-trio Amerikan tagħhom. Luxol wieġbu bit-three pointers, 2 minn Ahlberg u ieħor minn Schembri però Steen kompla jżomm lil Depiro viċin. Qabel intemmet is-sessjoni punti minn Ahlberg u Jandrix raw lil Luxol jiftħu vantaġġ t’10 punti 72-62. Fl-aħħar taqsima, Luxol bdew ikabbru l-vantaġġ hekk kif għamlu run ta’ 9-2 b’aktar punti minn Ahlberg u Filip Sekulic. Luxol issa setgħu jamminstraw il-vantaġġ u minkejja l-isforzi tagħhom, Depiro qatt ma rnexxielhom jerġgħu jersqu viċin biżżejjed tal-avversarji biex finalment kienu Luxol li ħarġu rebbieħa 95-82.

Depiro: J. Attard, D. Farrugia, A. Attard, A. Aquilina 6, N. Grech, O. Said 4, K. Hamilton 18, A. Chomo 11, J. Nygaard 10, T. Steen 33.

 

Bupa Luxol: CJ Cordina, V. Jandric 33, P. Engelbert, L. Caruana Montaldo, JP Schembri 10, W. Ahlberg 34, F. Sekulic 10,  S. Cappello 8.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Daniella Torok, Ivica Simic.

Balkan Fusion 53

Hibernians 110

(6-24)(12-25)(14-35)(21-26)

Ic-champions Hibernians bdew id-difiża tat-titlu tagħhom b’rebħa kontra Balkan Fusion bl-iskor kbir ta’ 110-53. Kif juri l-iskor it-team tal-Balkani qatt ma ħolqu xi periklu għall-Pawlisti però wieħed kien jistenna prestazzjoni aħjar minn dan it-team hekk kif huma saħħew l-iskwadra wara l-partiti tas-Shield. Il-coach tal-Hibs Mario Tabone ta ħafna ħin lil players żgħażagħ minn fuq il-bank li ma ddiżappuntawhx bil-wirja tajba li kellhom. Wara basket inizjali ta’ Dalibor Micic għal Balkan, Hibs għamlu 8 punti mingħajr risposta b’żewġ baskets ta’ Marco Matijevic. Balkan kisbu żewġ baskets oħra minn Micic u Nikola Bozovic però dawn kienu l-aħħar punti tagħhom għax minn hemm ‘l quddiem kienu Hibs li għamlu run ta’ 16-0 mibdijha bi trippla ta’ Roderick Vella flimkien ma’ sensiela ta’ punti minn Ivan Demcesen u Chad Cuschieri Patus għal skor ta’ 24-6. Id-dominju tac-champions kompla għaddej fit-tieni perjodu b’run oħra qawwija ta’ 17-2 fejn Patus kellhu aktar punti flimkien ma’ Matijevic u trippla oħra ta’ Vella. Balkan irnexxielhom jagħmlu sitt punti mingħajr risposta qabel ma Hibs għamlu l-istess biex daħlu jistrieħu 49-18 minn fuq.

Ftit li xejn kien hemm tibdil fl-andament tal-partita wara l-intervall, anzi Hibs żiedu sew il-vantaġġ tagħhom meta kellhom sensiela ta’ three pointers konsekuttivi minn Isaac Bonett u Alvaro Lizaur. Demcesen ukoll kompla jiksbilhom il-punti għal skor ta’ 84-32. Fl-aħħar sessjoni l-partita kienet biss formalita u kien għad jonqos biss il-mitt punt mic-champions li laħquh permezz ta’ basket minn Paul Attard u komplew b’żewġ trippli oħra minn Bonett u l-istess Attard biex rebħu l-partita 110-53.

Balkan Fusion: N. Andrejevic 4, B. Mrkojevic 8, N. Bozovic 5, J. Caruana, P. Walk 7, A. Schembri 8, N. Vasovic 6,  D. Micic 13, N. Kovacevic 2.

 

Hibs: R. Vella 11, P. Attard 7, K. Sultana 2, L. Farrugia 3, M. Formosa, I. Bonett 14, A. Axiaq 6, M. Matijevic 10, A. Lizaur 14, I. Demcesen 26, C. Cuschieri Patus 17.

Referees: Nicky Azzopardi, Kamil Dvorniczak, Charles Pollet.





Leave a comment